Lokali

Raġel imut wara li waqa’ 4 sulari f’San Pawl il-Baħar

L-għada tal-Milied ittappan b’inċident li ssarraf fil-mewt ta’ raġel li waqa’ erba’ sulari f’San Pawl il-Baħar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħaxija fi Triq il-Kurazza, San Pawl il-Baħar. Filfatt kien f’dak il-ħin meta l-Pulizija kienu nfurmati li kienu għadu kif seħħ inċident u li għaldaqstant kien hemm bżonn l-assistenza tagħha. Ir-raġel li tilef ħajtu f’dan l-inċident hu ta’ nazzjonalità Ukrena, għandu 43 sena u jgħix il-Mellieħa.

Għalkemm fuq il-post marret ambulanza u kif ukoll il-Pulizija, ir-raġel sfortunatament kien ċertifikat mejjet fuq il-post.

Mhux magħruf jekk ir-raġel kienx qed jagħmel xi xogħlijiet fil-post minn fejn waqa’ l-erba’ sulari, li skont informazzjoni tal-Pulizija jidher li hija blokka ta’ appartament. Skont l-informazzjoni li ngħatajna, ir-raġel waqa’ minn fuq il-bejt…. Għalkemm l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin biex ikun stabbilit x’wassal għall-inċident.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.