Fl-Istrina ta’ din is-sena nġabret is-somma rekord ta’ €6,050,322 fi 12-il siegħa ta’ maratona li xxandret fuq it-3 stazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni.
Matul l-Istrina saru diversi appelli, bil-protagonisti jkunu Samuel u Katriel, tfal li sabu l-għajnuna mingħand il-Malta Community Chest Fund Foundation.
F’diskors fi tmiem l-Istrina hekk kif tħabbret is-somma finali, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li din is-somma tikkonferma li l-poplu Malti huwa wieħed uniku li jaf jingħaqad u jibqa’ jgħożż il-valur ta’ jien jimpurtani minnek.
Bit-tema Jien l-Istrina, tul il-manifestazzjoni ta’ solidarjetà annwali, l-Istrina 2017 inġabret is-somma ta’ €6,050,000, somma rekord u żieda ta’ kważi nofs miljun ewro mis-somma miġbura s-sena li għaddiet.
Is-somma miġbura tinkludi l-flus miġbura f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi għall-Istrina, d-donazzjonijiet li ngħataw bit-telefown u l-SMSs, il-pledges u kumpaniji.
L-istrina bdiet ftit wara nofsinhar fejn infetħet fil-preżenza tal-President ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia flimkien mal-mara tiegħu, il-Prim Ministru u l-Arċisqof ta’ Malta.
Matul l-Istrina diversi personalitajiet, fosthom politici, libsu kostumi u kantaw jew żifnu ma’ kanzunetti popolari b’risq din il-kawża.
Ritratt: Russell Sammut
“Pajjiż ma jitkejjilx b’kemm hu kbir – imma b’kemm hija kbira qalbu” – Il-Kap tal-PN Adrian Delia