Lokali

RITRATTI: L-iskambju tal-awguri bejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż

Illum sar l-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida mill-mexxejja tal-pajjiż

Il-President laqgħet l-ogħla Awtoritajiet tal-pajjiż u membri tal-Korpi Kostitwiti fil-Palazz fil-Belt Valletta, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Arċisqof Charles J Scicluna u d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli minħabba li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab imsiefer.

Kien l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles J Scicluna l-ewwel li mar għand il-President ta’ Malta. Aktar tard, il-President laqgħet ukoll lill-Prim Ministru u membri tal-Kabinett kif ukoll lill-Ispeaker tal-Parlament li kien akkumpanjat minn numru ta’ Deputati tal-Oppozizzjoni u tal-Gvern.

Il-President laqgħet ukoll delegazzjoni mill-Ġudikatura mmexxija mill-Imħallef Joseph R Micallef, apparti eks-Prim Ministri u Presidenti li wkoll marru jagħtu l-awgurju tagħhom. Id-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista żaret ukoll il-Palazz tal-Arċisqof u l-Parlament fejn tat l-awgurju lill-Arċisqof ta’ Malta u lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia. Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-awgurju tas-sena l-ġdida kienet iffurmata wkoll minn David Agius, Kristy Debono, Jean Pierre Debono, Ivan Castillo u Graziella Attard Previ.

Il-President ta’ Malta fil-messaġġ tagħha sostniet li l-liberta’ tal-espressjoni hija sagra f’demokrazija u għandha ssir b’mod responsabbli. Appellat ukoll għall-liġi għad-drittijiet tat-tfal biex ikunu paralleli mal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-President tkellmet ukoll dwar il-kirjiet għoljin li qed jaffettwaw eluf ta’ Maltin u appellat biex mill-aktar fis jintlaħaq bilanċ. Il-President Marie Louise Coleiro Preca appellat għall-proċess ta’ riforma kostituzzjonali. Il-President talbet proċess informattiv u edukattiv għall-poplu sabiex il-poplu jipparteċipa f’din ir-riforma.

Il-President ta’ Malta fil-laqgħa mal-ġudikatura, delegazzjoni mmexxija mill-Imħallef Joseph R Micallef rreferiet għad-dewmien fil-kawżi. Minn naħa tiegħu l-Imħallef Micallef qal li l-ġudikatura għandha dmir li tagħti r-risposti lis-soċjeta’, xogħol li huwa wieħed iebes ħafna.

F’diskors tal-okkażjoni l-Arċisqof sostna li tinqatel għall-liberta’ tal-espressjoni hu prezz wisq għoli li tħallas, hu kien qed jirreferi għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru li għadda fil-laqgħa li kellu mal-President. L-Arċisqof sostna li rridu nipproteġu l-liberta’ tal-espressjoni.

L-Arċisqof ta’ Malta fl-iskambju tal-awguri mad-delegazzjoni tal-PN awgura t-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista u awgura li jkollna oppożizzjoni b’saħħitha. Fil-laqgħa mad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista, l-Arċisqof  appella biex il-Gvern iqassam il-ġid bmod ekwu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli f’isem id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-laqgħat mal-mexxejja sostna li f’mumenti l-pubbliku jkun qed jitlef il-fiduċja fil-politiċi u għalhekk sostna li għandna nkattru biex inżidu l-fiduċja fin-nies. Żied jgħid li f’dawn l-aħħar tliet xhur issieħbu 1000 membru ġdid fil-Partit Nazzjonalista u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex jagħti fiduċja fil-politika.

Fl-awgurju mal-President, Clyde Puli feraħ il-President għas-somma rekord miġbura fl-istrina.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-awgurju mal-President qal li l-poplu ta mandat għar-riformi u se jwettaq riformi fil-qasam soċjali, libertajiet ċivili u riformi ekonomiċi.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-vot 16 u qal li Malta se jkun it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea biex jingħataw id-dritt tal-vot, qal li hija liġi simbolika u se nirresponsabbilizzaw iż-żgħażagħ.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia fl-iskambju tal-awguri appella għal diskors li jixraq fil-Parlament u li l-Parlament huwa ta’ eżempju għall-ħaddiehor. Hu rrefera wkoll għas-sistema tal-Parlament u jekk dan għandu jaqleb il-ħidma għal dik full-time flok part-time. Irrefera għas-sistema tal-Portugall li hija sistema hybrid.

Fil-ġranet li għaddew il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia laqa’ l-pubbliku u l-Korpi Kostitwiti fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għal skambju t’awguri.