Fost il-politiċi Għawdxin li ħallew impatt fuq l-iżvilupp tal-gżira, insibu lill-eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u deputat Nazzjonalista, Anton Tabone. Issa, l-ħidma u l-impatt pożittiv li ħalla Anton Tabone fuq il-gżira Għawdxija ġiet iddokumentata f’bijografija dwar il-ħajja politika tiegħu – bl-isem ta’ ‘Il-Pont bejn Għawdex Reġjun u Malta Nazzjon’.
NET News tkellem ma’ Sergio Grech, l-awtur tal-bijografija, fejn semmilna wħud mill-kisbiet li saru bis-saħħa ta’ Anton Tabone għal Għawdex – fosthom il-ħolma ta’ reġjun, minfejn ħadet isimha din il-bijografija.
Apparti l-ħajja politika tiegħu fost l-Għawdxin, Sergio Grech tkellem ukoll fuq il-ħajja parlamentari ta’ Anton Tabone – kif beda minn kandidat, sar deputat u anke ġie appuntat Ministru, u saħansitra sar Speaker tal-Kamra tad-Deputati.
Iżda dan mhux kollox, għaliex fil-ktieb ippubblikat minn Kite Group insibu wkoll l-ideali ta’ Anton Tabone – u l-viżjoni politika tiegħu. Sergio Grech stqarr ma’ NET News li hemm miġbura fil-bijografija l-mod kif Anton Tabone kien iħares lejn ir-Repubblika Maltija, u kif iħares lejn numru ta’ politiċi oħra – bħal fost l-oħrajn il-Prim Ministru George Borg Olivier.
Sergio Grech qal, li normalment Għawdex ma tantx tissemma’ fl-istorja politika u ssir biss referenza għaliha – iżda dan il-ktieb hu partikolari għaliex fih jiġbor il-lenti u l-viżjoni ta’ politiku Għawdxi, minn memorji sbieħ tat-tfulija sad-diffikultajiet tal-ħajja.
//= $special ?>