Kollox jindika li l-eksplejer tal-futbol famuż George Weah se jkun il-President ġdid tal-Liberja. Dan wara li hu rebaħ fil-maġġoranza tar-reġjuni, wara t-tieni fażi tal-elezzjoni presidenzjali li hu ikkuntesta flimkien ma’ Joseph Boakai; il-Viċi-President Liberjan għal dawn l-aħħar 12 il-sena.
Weah – li fost oħrajn kien lagħab mat-timijiet Franċiżi ta’ Monaco u Paris St Germain kif ukoll ma’ AC Milan, fl-Italja – bagħat messaġġ fuq Twitter biex jirringrazzja lis-sostenituri għall-fiduċja li huma wrew fih.
Dan hu każ ‘uniku’ fejn eks-rebbieħ tal-unur għall-Aqwa Plejer tas-Sena (fid-Dinja) mogħti mill-FIFA spiċċa jieħu t-tmun ta’ Stat. Weah – li issa se jsir il-25 President tal-Liberja — qal li qed jippjana biex jillibera pajjiżu, filwaqt li ‘qed iħares lejn il-ġejjieni b’tama kbira’.
George Weah għandu jieħu post Ellen Johnson-Sirleaf, rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi, li kienet l-ewwel mara li qatt ġiet eletta President tal-Liberja u li fil-passat kienet avversarju tal-istess Weah għall-Presidenza.
//= $special ?>

