miktub minn Joe Cassar
Meta ngħidu li l-ġenerożità tal-Maltin m’għandhiex limiti ma tkunx biss espressjoni biex niftaħru b’rixna.
Bħallikieku mhux biżżejjed l-ammont kbir ta’ ġbir ta’ flus b’risq persuni fil-bżonn f’pajjiżna, b’inizjattivi diversi sinonimi ma’ dan iż-żmien tas-sena, bħall-ġbir għall-Istrina l-għada tal-Milied u attivitajiet oħrajn tal-Community Chest Fund, bħall-ġabra kbira annwali b’risq id-Dar tal-Providenza fl-ewwel jum tas-sena u ammont ieħor ta’ ġbir b’inizjattivi varji, il-Maltin ma joqogħdux lura lanqas biex jgħinu diversi missjunarji f’pajjiżi fejn għadu jirrenja l-faqar u l-miżerja, inkella f’pajjiżi milqutin minn xi diżastru naturali.
Daqqa t’id lill-Arċisqof Frendo
Fil-jiem li għaddew kelli l-okkażjoni nżur l-Albanija, flimkien ma’ Marica u membri oħra tal-familja – Alfred, Ninu, Charmaine – biex minbarra li nagħmlu żjara qasira lill-Arċisqof Malti Ġorġ Frendo, li huwa z-ziju tiegħi, nagħtu aħna wkoll daqqa t’id fix-xogħol li kien hemm bżonn isir hekk kif kien għadu kif wasal minn Malta container kbir mimli b’affarijiet utli għal familji li bid-dħul tagħhom ma jaffordjawx jixtru aktar minn ftit ikel kemm jitrejqu matul il-jum.
Il-container kien mimli b’ammont kbir ta’ kaxxi tal-kartun mimlijin b’kull ħaġa immaġinabbli li tista’ tintuża minn familji u tfal neqsin minn affarijiet l-aktar bażiċi bħalma huma lożor u kutri, tapiti, ħrieqi, żraben, kalzetti, flokkijiet, ġgieket, bosta affarijiet ta’ stationery bħal biros, lapsijiet, gomom u temprini, rigi u dak kollu li wieħed jimmaġina li jsib fi klassi tal-iskola, inkluż kotba, pitazzi, colouring books u kuluri biex ipinġu bihom.
Il-Maltin bagħtu wkoll ammont kbir ta’ pakketti ta’ snacks, partikolarment għat-tfal, inkluż ammont kbir ta’ twistees li tant intgħoġbu mit-tfal Albaniżi, u ammont ieħor kbir ta’ soft-drinks.
Kollox beda b’inizjattiva ta’ Josette u Kenneth Frendo, il-ġenituri ta’ Jerome, il-ġuvni li miet wara ġlieda qalila u twila kontra l-kanċer li matulha seraq qalb il-Maltin kollha bl-eżempji ta’ kuraġġ u ta’ fidi kbira li wassal ma’ kull okkażjoni li kellu. Wara l-mewt tiegħu huma ġiethom l-idea li jagħmlu appell għal dan il-container ta’ ġenerożità biex b’hekk jibqgħu mexjin fuq l-eżempju ta’ Jerome u bil-memorja tiegħu f’qalbna jibqa’ jsir il-ġid.
L-appell intlaqa’ b’ġenerożità kbira u fi ftit jiem il-container imtela kollu u ammont kbir ta’ kaxxi nġabru u ġew ippustjati fih bl-għajnuna ta’ diversi voluntieri, partikolarment Alfred u Ninu, li aktar tard għenu wkoll biex inħatt fl-Albanija.
Il-container ‘Malti’ inkluda wkoll ammont kbir ta’ soft-toys, li tant huma neqsin minnhom it-tfal fil-periferiji ta’ Tirana u l-villaġġi ifqar aktar imbiegħda.
Ma rridx ninsa ngħid li l-affarijiet kollha ppakkjati fil-container mimli bil-ġenerożità tal-Maltin kienu kollha kemm huma affarijiet ġodda.
Basktijiet mimlija lesti għall-ikla tal-Milied
Minbarra l-affarijiet li tqassmu direttament lil persuni fil-bżonn li ġew iħabbtu l-bieb tal-Isqof Frendo jitolbu l-għajnuna tiegħu, sibna l-ħin ukoll biex mill-affarijiet li waslu minn Malta nippreparaw mijiet ta’ basktijiet mimlijin b’affarijiet ta’ stationery, ġugarelli, kalzetti u ħwejjeġ oħra, flimkien ma’ affarijiet għall-iskola.
Dawn il-basktijiet lestejniehom bil-lest biex meta f’jum il-Milied issir l-ikla għal persuni foqra fil-Kurja tal-Arċisqof f’Tirana – inizjattiva oħra tal-Isqof Malti Ġorġ Frendo – kull persuna jew familja li tattendi tieħu wieħed magħha qabel toħroġ. Aktar dettalji dwar din l-ikla jidhru f’ħarġa oħra ta’ din il-gazzetta.
Fil-ftit jiem li qattajna fl-Albanija kellna ċans inżuru wkoll xi familji li ntlaqtu ħażin mill-għargħar li ħakem il-pajjiż aktar kmieni matul dan ix-xahar.
Iltqajna ma’ sitwazzjonijiet fejn sibna djar litteralment vojta għax l-ilmijiet kaxkrilhom ’il barra dak kollu li kellhom – li, għallinqas għal uħud minnhom, kien diġà ftit.
L-ilma kaxkar kulma sab, inkluż l-aktar affarijiet bażiċi u bżonjużi bħal washing machines, cookers jew saħansitra s-sodod li jorqdu fuqhom. Ħadilhom ukoll xi annimali li għal ħafna minnhom huma s-sors prinċipali minn fejn iġibu l-flus għall-għajxien modest tagħhom.
Tajniehom ilkoll mill-ftit li kellna, biżżejjed biex rajna fuq wiċċhom tbissima ħelwa u ġest ta’ apprezzament. Pakkett crisps, twistees jew lollypop kienu biżżejjed biex lit-tfal żgħar li għaddew minn dik it-trawma ferraħniehom ftit, imqar jekk għal mumenti qosra. Ħafna minn dawn il-familji fil-preżent qegħdin jgħixu bl-għajnuna li taslilhom mingħand kongregazzjoni żgħira ta’ sorijiet Franġiskani fil-qrib, u mill-għajnuna li jipprovdi l-Isqof Malti Ġorġ Frendo.
Is-sorijiet jieħdu ħsieb li jipprovdulhom ħobż frisk kull filgħodu u bil-flus li jiġbru qegħdin jixtrulhom il-bżonnijiet li tilfu u xi appliances biex ikunu jistgħu jtaffu mill-kesħa kbira tax-xitwa, ħafna drabi f’temperaturi li jinżlu sew taħt iz-zero.
Mill-bqija m’hemm l-ebda bieb ieħor li jistgħu jħabbtu għall-għajnuna. Il-kunsill li dawn il-villaġġi jagħmlu parti minnu jgħidilhom biex ma jistennewx għajnuna materjali għax m’għandux fondi allokati. U l-Gvern jaħsel idejh u, quddiem sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal dawn, jagħlaq għajnejh it-tnejn. Tibqa’ biss il-Knisja Kattolika, li fl-Albanija tgħix ukoll il-faqar. Mill-ftit riżorsi tagħha, partikolarment minn dak li jiġbor l-Isqof Ġorġ Frendo kull meta jżur Malta, tgħin mill-aħjar li tista’ lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Min b’xi mod jixtieq jgħin jista’ jikkuntattja lill-awtur ta’ din il-kitba fuq 25965340 jew 79040591.
//= $special ?>