Lokali

Illum it-tfal minn diversi organizazzjonijiet madwar Malta u Għawdex qed jgħixu avventura grazzi għas-sewwieqa tat-taxis

Ix-xufiera tat-taxis bojod li joperaw f’pajjiżna llum qed jagħmlu ġurnata ħolma lil għexieren ta’ tfal li minħabba problemi differenti jgħixu ‘lil hinn mill-familji tagħhom iżda li f’organizzazzjonijiet u ċentri diversi sabu familja oħra.

Dan hekk kif bħal kull sena, madwar 50 taxi bajda qed iddawwar madwar Malta lil 140 tifel u tifla, akkumpanjati mill-carers.

Ġimgħat ta’ preparazzjoni minn dawn ix-xufiera sarrfu f’ġurnata ppakkjata b’diversi attivitajiet fosthom żjarat f’Popeye Village u Splash and Fun, spettaklu mid-denfili fil-Mediterraneo Park, party fil-Corinthia San Ġorġ kif ukoll tqassim ta’ rigali minn Father Christmas u spettaklu ta’ maġija fost l-oħrajn.

Din is-sena x-xufiera daħlu fi spiża ferm ikbar mis-soltu hekk kif ma waqfux biss fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, bix-xiri ta’ ikel u rigali, imma wkoll għamlu xirjiet ta’ appliances bħal fridges, fran, settijiet tat-televiżjoni u washing machines fost l-oħrajn. B’hekk huma se jkunu qed jaħsbu wkoll fil-postijiet fejn jinżammu dawn it-tfal u l-bżonnijiet ta’ matul is-sena.

Net News hu nfurmat li x-xiri ta’ dan l-apparat tlaħħaq id-€9,000. L-attività ta’ llum qed issir ukoll bil-kollaborazzjoni tal-Pulizija, li qed jikkordinaw il-kontroll tat-traffiku.