Internazzjonali

Kundanna għal attakk fuq supermarket fir-Russja

 

Il-President tar-Russja Vladimir Putin ikkundanna splużjoni li saret ġo supermarket fil-belt ta’ San Pietruburgu u li ħalliet talanqas għaxar feruti bħala ‘azzjoni minn terroristi’.

L-aħħar rapporti qalu li talanqas wieħed fost il-midruba kien jinsab f’periklu tal-mewt meta kienet qed tkompli l-investigazzjoni fil-kumpless tal-Perekrestok (kumpannija tas-supermarkets) partikulari.

L-ebda grupp ma assuma responsabbiltà għall-isplużjoni, bl-inkjesta tiżvela li l-bomba li ntużat kienet mimlija ‘b’diversi elementi intiżi għall-akbar sfreġju possibbli’. Dritt wara l-attakk, il-kumpless spiċċa evakwat u ma kien hemm l-ebda rapporti dwar nirien. Iz-zona fejn tpoġġiet il-bomba, sadanittant, ġarrbet il-ħsarat estensivi.

Il-President Putin tkellem fid-dettall dwar l-attakk waqt ċerimonja,  fejn hu kien qed jippreżenta l-unuri lill-membri tal-militar. Dan wara li xi uffiċjali kienu qalu, qabel, li l-attakk f’San Pietruburgu kien qed ikun trattat bħala ‘attentat ta’ omiċidju’.