Internazzjonali

L-UNICEF: Livelli ‘xokkanti’ ta’ attakki fuq it-tfal matul l-2017

It-Tmexxija tal-Fond tat-Tfal (UNICEF) tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-iskala tal-attakki fuq it-tfal fiz-zoni ta’ konflitt madwar id-dinja laħqet livelli ‘xokkanti’ fl-2017.

Il-UNICEF, permezz ta’ rapport ġdid, qal li kien hemm nuqqas ġenerali u sfaċċat ‘ta’ rispett u attenzjoni’ għal-liġijiet internazzjonali intiżi biex jipproteġu lill-aktar setturi vulnerabbli tas-soċjetà – b’mod partikulari t-tfal.

Id-Direttur tal-UNICEF, Manuel Fontaine, sostna li t-tfal kienu qed jisfaw mira ta’ attakki fi djarhom, fl-iskejjel u anki fil-playgrounds. Fontaine, fl-istess ħin, enfasizza li ‘dan it-tip ta’ brutalità ma jistax jitqies daqslikieku xi ħaġa normali’.

Ir-rapport jaċċenna għal diversi zoni ta’ konflitt ‘fejn sofrew it-tfal’ tul l-aħħar sena:

Fir-Repubblika Afrikana Ċentrali, it-tfal spiċċaw maqtula, stuprati u maħtufa, b’uħud ikunu reklutati bħala ġellieda ma’ gruppi armati fost żieda drammatika fil-vjolenza.

Il-militanti Iżlamiċi tal-Boko Haram ġiegħelu lil talanqas 135 tfal fil-grigal tan-Niġerja u fil-Kamerun biex jaġixxu bħala aggressuri suwiċida. In-numru ta’ dawn it-tfal ‘hu kważi ħames darbiet akbar mill-ammont tat-tfal li ntużaw b’dan il-mod faħxi fl-2016’.

It-tfal tal-komunità Musulmana tar-Rohingya fi Myanmar sofrew minn ‘vjolenza wiesgħa u xokkanti’ huma u jitkeċċew minn djarhom fl-Istat ta’ Rakhine.

Fis-Sudan t’Isfel, ‘il fuq minn 19,000 tfal kienu reklutati ma’ qawwiet armati u gruppi ( armati) lokali.

Skont ir-rapporti, il-ġlied fil-Jemen ħalla talanqas 5,000 tfal mejtin jew midruba, biċ-ċifra ‘vera’ ta’ dawn il-vittmi, fil-fatt, mistennija tkun bil-wisq ogħla minn dan.

Fl-Ukrajna tal-Lvant, madwar 220,000 tfal qegħdin jgħixu taħt it-theddida kontinwa tal-landmines u tagħmir splussiv ieħor li baqgħu ta’ periklu kbir għall-ħajja wara li tħallew fl-inħawi wara l-konflitt ta’ ftit snin ilu fiz-zona.

Intant, Manuel Fontaine, li hu d-direttur tal-programmi għall-emerġenza tal-UNICEF, ikkundanna l-fatt li daqstant tfal madwar id-dinja qed ikunu esposti għall-vjolenza u diversi tipi ta’ aġir brutali. Huwa ħeġġeġ biex id-dinja ‘ma taċċetta taħt l-ebda ċirkustanzi’ l-attakki fuq id-dgħajfin li qegħdin ikomplu, sena wara l-oħra.