Tard il-Ħamis filgħaxija Sevilla ħabbru li laħqu ftehim mal-ekskowċ ta’ Milan Vincenzo Montella biex ikun hu li jibda jmexxi lit-tim. Montella kien tkeċċa madwar xahar ilu wara riżultati xejn tajbin mar-Rossoneri li minn naħa tagħhom ħatru lill-eksplejer Gennaro Gattuso bħala kowċ.
Montella hu mistenni jiffirma kuntratt ta’ sena u nofs mat-tim Spanjol u se jkun qed jieħu post Eduardo Berizzo. Dan tal-aħħar, lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kien tkeċċa ġimgħa wara li kien operat minħabba li kellu kanċer.
Il-kowċ Arġentin, li għandu 48 sena kien beda jmexxi lill-klabb Spanjol f’Mejju li għadda, tkeċċa wara d-draw ta’ 0-0 kontra Levante.
Jiem qabel l-istess Sevilla kienu tilfu 3-1 kontra Real Sociedad.
Minn naħa tiegħu Montella ma tantx mar tajjeb matul dan l-istaġun ma’ Milan, anke jekk dawn fis-sajf nefqu €196 miljun ewro fi plejers ġodda.
Meta Montella ħalla lil Milan dawn kienu jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika u minn dakinhar ‘l hawn it-tim ma tantx mar ‘il quddiem għax bħalissa jinsab fil-11-il post tal-kampjonat. Madankollu nhar l-Erbgħa filgħaxija waslet ir-rebħa ta’ 1-0 kontra Inter fil-Coppa Italia, rebħa li taf tati żvolta lill-istaġun tagħhom.
Mill-aħħar tliet logħbiet Sevilla ħadu biss punt u bħalissa jinsabu fil-ħames post tal-klassifika.
Il-logħba li jmiss għal Sevilla se tkun fis-6 ta’ Jannar u dan hu l-jum li fih Montella mistenni jagħmel id-debutt tiegħu fuq il-bank.
Fiċ-Champions League Sevilla jmisshom jilagħbu fil-fażi tal-aħħar 16 kontra Manchester Utd.
//= $special ?>