Lokali

Aktar minn 2,810 isiru ċittadini Maltin – Min xtara l-passaport ‘jinħeba’ qalb l-oħrajn

L-ismijiet tal-miljunarji li xtraw il-passaport Malti matul is-sena li għaddiet kienu ippublikati iżda għal darb’oħra, isimhom hu mniżżel f’lista waħda ta’ persuni li saru ċittadini Maltin matul l-2016 mingħajr ebda distinzjoni bejn min xtara l-passaport u min kiseb iċ-ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni.

Fl-2016 kien hemm 2,182 ċittadini ġodda. Minn mindu daħlet l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti fl-2014, il-lista alfabetika hi mqassma skont l-isem minflok il-kunjom, kif jiġri s-soltu. B’dan il-mod, familji li xtraw il-passaport ma jkunux wara xulxin fil-lista, kif jiġri f’listi fejn l-individwi għandhom kunjom komuni.

Il-ġurnal Times of Malta talab informazzjoni lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jipprovdi listi ta’ min sar ċittadin ta’ Malta permezz tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Sa issa, il-Gvern baqa’ ma ta ebda informazzjoni u rreżista diversi talbiet dwar informazzjoni ta’ dawn il-miljunarji li xtraw il-passaport Malti, li jagħti aċċess għal 27 pajjiż ieħor Membru tal-Unjoni Ewropea.

Skont ir-regolatur maħtur mill-Gvern, ftit iktar minn 1,100 persuna applikaw għall-passaport Malti għalihom u għal medja ta’ żewġ persuni oħra li huma dipendenti fuqhom.

L-Applikanti prospettivi iridu jħallsu €650,000 lill-Gvern u jinvestu fi propjeta’ jew bonds għal 5 snin.

Skont il-listi uffiċjali, il-maġġoranza kbira tal-applikanti ġejjin mill-Asja u l-Lvant Nofsani.