Raġel Taljan ta’ 38 sena, li hu direttur ta’ kumpanija bbażata f’Malta, kien arrestat mill-Guardia di Finanza Taljana fuq suspetti ta’ frodi u ħasil ta’ flus.
Rapporti fil-media Taljana jgħidu li r-raġel, li hu minn Parma kien arrestat f’Modena f’missjoni tal-Guardia di Finanza imlaqqma “Last Ring” u li kienet marbuta ma’ missjoni oħra imlaqqma “Barqueiro” li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar sentejn.
Skont dawn ir-rapporti, l-arrestat kien jakkwista kumpaniji oħrajn u jfallihom b’mod qarrieqi għall-qliegħ personali tiegħu. Hu stmat li mal-€35 miljun insterqu b’dan il-mod bis-suspettat ikollu diversi karozzi u oġġetti lussużi oħrajn irreġistrati f’isem il-kumpaniji tiegħu.
Il-Pulizija Taljana ilha tosserva l-movimenti ta’ dan ir-raġel għal dawn l-aħħar sentejn u interċettat iktar minn 2,500 siegħa ta’ diskursati fuq it-telefon. F’Lulju li għadda il-Pulizija arrestat raġel Taljan ieħor, li kien residenti fil-Portugall u li kien kompliċi mar-raġel minn Parma, fuq akkużi ta’ akkwist illegali ta’ kumpaniji.
//= $special ?>