Lokali

“Distinzjoni bejn sewwieqa privati u sewwieqa kummerċjali” – GRTU

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, il-GRTU, issostni li s-sistemi tal-punti għall-kontravenzjonijiet tas-sewwieqa għandha tkun irfinata fejn jidħol is-settur privat.

Wara li fil-bidu ta’ dan ix-xahar, is-sistema tal-punti kienet estiża għas-sewwieqa kollha, il-GRTU ittenni li għandu jkun hemm distinzjoni bejn sewwieqa li jkunu qed jivvjaġġaw u sewwieqa li jkunu fuq xogħol jew parti sostanzjali mix-xogħol tagħhom jinvolvi s-sewqan.

Il-GRTU ssostni li dawn tal-aħħar iqattgħu iktar ħin fit-toroq u għalhekk għandhom riskju ikbar li jakkumulaw punti fuq il-liċenzja tagħhom. Filwaqt li laqgħet l-estensjoni, il-GRTU hi tal-fehma li tkun iktar ġusta kieku min qiegħed f’riskju ikbar, jingħata iktar punti.

Problema partikolari hi dik tal-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi. Ġeneralment, dawn il-kumpaniji jħallsu l-kontravenzjonijiet mal-ewwel u ma jikkontestawx il-kontravenzjonijiet. Madanakollu jfisser li l-persuna li fuqhom huma reġistrati l-karozzi tal-kiri, kienet qed ittella’ punti fuq il-liċenzja tagħha għal kontravenzjonijiet li wettaq ħaddieħor.

Problema oħra hi dik ta’ xufiera kummercjali. Il-GRTU tirrapporta li diversi membri tagħha qed jiffaċċjaw sitwazzjoni fejn sewwieqa impjegati tagħhom ma jammettux li wettqu kontravenzjoni anki heddew lis-sidien li jitilqu u jfittxu impjieg ieħor.