Fl-1 ta’ Jannar 2008, Malta biddlet il-munita u qalbet għall-munita Ewro. Din kienet bidla li l-poplu Malti għadda minnha mingħajr skossi. Anzi, minn stħarriġ regolari li sar mill-Eurobarometer, jirriżulta li l-pubbliku Malti hu kuntent ħafna bl-użu tal-ewro.
Sostna dan Jesmond Gatt, Chief officer għall-operat bankarju fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta f’kumment ma’ netnews.com.mt fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-bidla mill-Lira Maltija għall-Ewro. Aspett ieħor li l-pubbliku laqa’ b’sodisfazzjon hi li l-munita ewro hi komuni ma’ ħafna pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
Iżda għalkemm għaddew kważi 10 snin minn mindu l-ewro saret il-munita legali f’Malta, għad fadal ammont sostanzjali ta’ flus f’Liri Maltin li għadhom għand il-pubbliku. Jesmond Gatt qal li skont estimi tal-Bank Ċentrali, għad hemm Lm16 miljun li għadhom għand il-pubbliku. Dawn jammontaw għal madwar €38 miljun. Hu fakkar li l-pubbliku għandu ċans sal-31 ta’ Jannar f’nofsinhar sabiex isarraf il-Liri Maltin u jingħata l-ekwivalenti f’Ewro.
Wara l-31 ta’ Jannar, il-flus denominati f’Liri Maltin ma jkollhom ebda valur u l-bilanċ tal-valur tal-flus mhux miġbura jgħaddi għand il-Gvern Malti.
Noti importanti:
- Il-flus jissarrfu biss mill-Annexe tal-Bank Ċentrali fil-Belt Valletta.
- Il-flus li jistgħu jissarrfu huma l-flus tal-ħames serje (l-aħħar serje qabel saret il-qalba għall-ewro). Flus iktar antiki minn din is-serje ma jissarrfux.
- Min jipprovdi in-numru IBAN tal-kont bankarju jista’ jkollu l-flus kreditati direttament fil-kont tiegħu, speċjalment biex ikunu evitati riskji jekk wieħed għandu ammont sostanzjali xi jsarraf.
//= $special ?>