Lokali

FILMAT: Winston – Il-kelb abbandunat li se jsib xortih fl-Ingilterra

Winston, li għal dawn l-aħħar tliet snin kien qed jinżamm id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali wara li kien abbandunat minn familtu, issa se jsib xortih.

Meta tliet snin ilu kien instab abbandunat, Winston kien ma jiflaħx, marid u bil-ġuħ. Imma llum, reġa’ rkupra saħħtu. U mhux talli hekk, talli fil-jiem li għaddew waslet l-aħbar li Winston se jiġi addottat minn familja fl-Ingilterra.
Fl-Għammieri ltqajna ma’ Maria D’Amato, voluntiera li tagħmel ħafna xogħol mal-annimali.

“Għamilt filmat tiegħu biex nappella biex tinstablu home. Il-filmat rawh ħafna nies, fosthom familja partikolari mill-Ingilterra li bagħtitli lura fejn qaltli li xtaqet taddotta lil Winston”, qaltilna Maria.

Hi u tilgħab ma’ Winston, Maria qaltilna li dil-familja ħallset għall-arranġamenti kollha hi, fosthom trattamenti, dokumenti u titjiriet, biex fit-8 ta’ Jannar li ġej, il-Kelb jerħilha lejn l-Ingilterra.

Bħal Winston hemm klieb oħrajn li jinġabru mill-Animal Welfare għax ikunu abbandunati. “Winston dam ħafna għand id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali għax illum in-nies ifittxu aktar klieb ta’ ċertu razzez, jew inkella ta’ ċertu daqs. Imma Winston għandu qalb bħal klieb oħra”, qaltilna Maria qabel għannqet lill-kelb magħha u qaltilna li għalkemm se tħoss in-nuqqas ta’ Winston, hija kuntenta li dan se jkollu familja.

Waqt li konna l-Għammieri, iltqajna wkoll ma’ Graziella – li filgħodu stess kienet għadha kif addottat lil Lilly – kelba ta’ sentejn – li wkoll kienet abbandunata. Għal Graziella, din se tkun it-tielet kelba tagħha.

“Kollha kienu ħelwin, u allura ma stajtx niddeċiedi għall-ewwel. Fl-aħħar għażilt lil Lilly – l-iktar waħda kwieta u weħidha li kien hemm”, qaltilna Graziella.

Kull sena, id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali jirċievi mal-5,000 telefonata b’rapporti dwar moħqrija u abbandun ta’ annimali. Wara li jingħataw it-trattament, l-annimali jitniżżlu biex jinżammu għand l-Animal Welfare.

Id-Direttur tad-Dipartiment Noel Montebello qalilna li n-nies, idealment, jaddottaw flok jixtru. “Aħna dejjem nipprovaw inqajmu kuxejnza biex in-nies jaddottaw flok jixtru,” qalilna Noel. Fuq kollox, meta wieħed jaddotta flok jixtri, jkun qed jagħmel spazju għal annimali li sfortunatament jiġu abbandunati fit-toroq. Id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali għandu servizz ta’ salvataġġ tal-annimali 24 siegħa kuljum.