Lokali

Grupp ta’ Maltin jixxandru mad-dinja minħabba l-kostumi tagħhom

Grupp ta’ Maltin daru d-dinja hekk kif waqt il-World Championship tad-darts, li kompla lbieraħ fl-Alexandra Palace ta’ Londra, spiċċaw jidhru fuq l-istazzjon Sport 1 liebsa kostumi ta’ pappagalli u b’tabella li turi li huma Maltin.

Kien waqt l-isfida bejn Rob Cross u John Henderson, mirbuħa minn dan tal-aħħar fl-aħħar logħba tal-waranofsinhar tal-bieraħ, li l-kameras tat-televizjoni ffukaw fuq il-grupp ta’ Maltin.

Kuntrarju għal ħafna sport ieħor, b’mod speċjali l-isnooker, waqt kompetizzjonijiet tad-darts il-pubbliku jitħalla jagħmel l-istorbju u joħloq spettaklu. Filfatt il-kompetizzjonijiet tad-darts huma popolari wkoll għad-diversi kostumi li l-membri tal-pubbliku jkunu liebsa.

Filfatt il-Korporazzjoni tad-Darts Professjonali tiddeskrivi l-kampjonat dinji bħala pellegrinaġġ festiv, b’The Guardian tfisser l-ispettaklu tal-bieraħ bħala ‘a hell of a Christmas party’.

Għal dawn il-kampjonati kien hemm 68,000 biljett disponibbli, li nħatfu tant li wara l-ewwel jumejn ħafna kienu diġa qed isibuha diffiċli li jakkwistaw il-biljetti tagħhom.