Sport Sport Ieħor

IBBURDJAR – Il-jott LDV Comanche jirbaħ il-Line Honours tas Sydney to Hobart wara protest

Il-Jott Awstraljan LDV Comanche ingħata l-Line Honours fit-tellieqa klassika Sydney to Hobart wara li l-ġurija internazzjonali laqgħat il-protest tagħhom meta l-krew ta’ dan il-Jott allega li l-Jott Wild Oats XI daħal fihom minn wara.

Nhar l-Erbgħa l-jott Wild Oats XI kien daħal l-ewwel f’ħin rekord, iżda ma kienx dikkjarat rebbieħ tal-line honours minħabba li kienet għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-inċident.

LDV Comanche kien fuq quddiem għal ħinijiet twal fit-tellieqa u kien mistenni li jidħol l-ewwel f’ħin rekord, iżda fl-aħħar tliet sigħat tat-tellieqa u nqabeż minn Wild Oats XI.

Il-jott Wild Oats XI qasam il-linja finali f’Constitution Dock fil-port ta’ Hobart b’vantaġġ ta’ 16-il minuta biss fuq LDV Comanche. Wild Oats XI immexxi mill-iskipper Mark Richards għamel ir-rotta minn Sydney sa Hobart f’ħin ta’ ġurnata, tmien sigħat, 48 minuta u 50 sekonda, kważi ħames sigħat inqas mir-rekord preċedenti li kien ta’ ġurnata, 13-il siegħa, 31 minuta u 20 sekonda. Dan ir-rekord kien imwaqqaf mill-jott Perpetual Glory s-sena l-oħra. Iżda wara l-protest dawn kienu penaliżżati b’siegħa biex LDV Comanche ħadu l-unuri ta’ din it-tellieqa twila 630 mil nawtiku.

Oriġinalment LDV Comanche kien daħal 26 minuta wara Wild Oats.

L-iskipper ta’ LDV Comanche tella l-bandiera ta’ protest ftit wara t-tluq mill-port ta’ Sydney, hekk kif iż-żewġ jotts kważi ħabtu ma’ xulxin.

Il-crew ta’ LDV Comanche akkużaw lil Wild Oats b’manuvra mhux korretta ftit wara t-tluq.

Ta’ min jinnota li din kienet l-ewwel darba mill-1990 li Jott li daħal l-ewwel ma ingħatax il-Line Honours wara li sar protest fuqu.