L-ajruplan li l-Erbgħa filgħaxija nħakem minn irjiħat qawwija tant li nqala’ minn fejn kien ipparkjat u baqa’ dieħel f’binja fil-viċin, issa ġie rmonkat u ttieħed f’hangar. Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-operazzjoni, skont l-Ajruport, saret il-lejl li għadda minn speċjalisti tal-kumpanija ‘Dassault’, li mmanifatturat l-ajruplan. L-operazzjoni saret b’kollaborazzjoni ma’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija u uffiċjali tal-ajruport stess.
Dan hekk kif matul il-ġurnata tal-bieraħ, it-triq inżammet magħluqa, bl-esperti Franċiżi li waslu Malta wkoll jaraw kif jistgħu jsibu soluzzjoni biex l-ajruplan jinqala’ minn fejn kien jinsab.
L-inċident seħħ l-Erbgħa billejl meta l-irjiħat qawwija laqtu lil dan l-ajruplan, tat-tip ‘Dassault Falcon 7X’ tant li nqala’ minn fejn kien ipparkjat f’Park 4 tal-Ajruport, qaċċat xi fences, qasam it-triq u baqa’ dieħel f’binja ta’ Polidano Group. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ fl-inċident.
Jirriżulta, li l-ħsarat li ġarrab l-ajruplan – li huwa propjeta’ tal-biljunarju Ingliż Lord Michael Aschroft – jammontaw għal madwar żewġ miljun Ewro. Il-valur tal-ajruplan huwa ta’ madwar 70 miljun ewro.
Sadanittant, fl-istqarrija maħruġa mill-Ajruport, ingħad ukoll li twaħħlu fences temporanji bl-Ajruport iżid ukoll li qed issir ħidma biex kollox jirritorna lura għan-normal f’Park 4.
ESKLUSSIVA: Ritratt mill-bini li baqa’ dieħel fih l-ajruplan f’Ħal Farruġ
//= $special ?>