Lokali

Il-Ministru Joe Mizzi liberat minn kawża kriminali dwar artiklu ippublikat fl-2007

Il-Ministru Joe Mizzi (ritratt: Martin Agius)

Il-Ministru tal-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi kien liberat minn akkużi kriminali dwar artiklu miktub minnu iktar minn għaxar snin ilu.

Il-każ imur lura għal artiklu ippubblikat mill-ġurnal Times of Malta fis-26 ta’ Ġunju 2007 u li fih Joe Mizzi – dak iż-żmien Kelliem tal-Oppożizzjoni – kien allega li l-Gvern se jiffaċċja kriżi tal-ilma minħabba li injora dan is-settur. Dan wassal biex iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ta’ dak iż-żmien, il-Perit Michael Falzon jiftaħ kwerela kriminali fil-konfront ta’ Joe Mizzi.

Fil-fatt, Mizzi kien mixli mill-pulizija li “dolożament xerred aħbarijiet foloz illi x’aktarx jallarmaw lill-pubbliku”.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud,  qalet li l-elementi ta’ dan ir-reat huma it-tixrid intenzjonat ta’ aħbarijiet foloz li jistgħu jallarmaw lill-pubbliku.

Il-Qorti fakkret li hu f’idejn il-Prosekuzzjoni li tipprova dawn l-elementi u kull dubju għandu jkun riżolt favur l-akkużat. F’dan il-każ partikolari, il-Qorti kkonkludiet li ma nġabux provi biżżejjed li l-artiklu xandar aħbarijiet foloz bl-intenzjoni li jiġi allarmat il-pubbliku.

Għaldaqstant, Joe Mizzi kien liberat mill-akkużi miġjuba kontrih.