Mill-31 ta’ Jannar klijenti tal-Bank of Valletta u l-HSBC f’xi każi se jkunu jistgħu jiġbdu l-flus biss mill-ATMs rispettivi skont il-card tal-bank li huma klijenti tiegħu.
Dan ifisser li jekk int klijent tal-BOV li għandek card tat-tip Cashlink tista’ tiġbed biss minn ATMs tal-BOV. Xorta waħda wieħed jista’ jiġbed il-flus minn ATMs tal-HSBC jekk il-klijent ikollu BOV Cashlink Visa u BOV Cashlink Visa Electron għalkemm jistgħu japplikaw xi miżati.
Fil-każ tal-HSBC, il-Quickcash mhux se tibqa’ tintuża għaliex mill-Erbgħa 10 ta’ Jannar se tinbidel mal-Visa Electron, li tista’ tintuża madwar id-dinja, inkluż fuq siti internazzjonali fuq l-internet.
Mhux se jkunu affettwati klijenti li b’card tal-BOV jew l-HSBC jmorru biex jixtru minn ħwienet.
Il-bidliet mhux deċiżjoni tal-banek Maltin imma jidħlu fis-seħħ minħabba li pajjiżna implimenta d-Direttiva tas-Servizzi ta’ Pagament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.
Din id-Direttiva għandha l-għan li l-pagamenti internazzjonali jsiru iżjed faċli iżda fl-istess waqt tiżdied is-sigurtà għall-klijenti.
//= $special ?>

