Internazzjonali

Il-Gvern Iranjan iwissi lill-poplu dwar dimostrazzjonijiet

Il-Gvern tal-Iran wissa lill-poplu biex ma jisseħibx ‘fil-folol illegali’ wara jumejn ta’ protesti kontra l-awtoritajiet u l-establishment Iżlamiku tal-pajjiż.

Dan wara li saru għexieren ta’ arresti fost id-dimostrazzjonijiet kontra l-korruzzjoni u dwar il-livelli tal-għajxien li eluf ta’ Iranjani qegħdin iqisu bħala inaċċettabbli.

Sadanittant, messaġġi fuq il-media soċjali mingħand persuni anonimi ħeġġew biex isiru aktar protesti madwar l-Iran, waqt li l-Ministeru tal-Intern f’Tehran insista ‘biex in-nies ma jieħdux sehem fid-dimostrazzjonijiet illegali għaliex b’hekk ikunu qed joħolqu l-problemi għalihom, kif ukoll għal ċittadini oħrajn.

Fl-istess ħin, eluf ta’ dimostranti favur il-Gvern Iranjan, illum, ipparteċipaw f’numru ta’ rallies. Dan meta l-awtoritajiet f’Tehran qegħdin jittamaw li d-dimostrazzjonijiet sponsorjati mill-Gvern tul il-pajjiż iwasslu ‘messaġġ ta’ saħħa’.

L-awtoritajiet fl-Iran qalu li elementi anti-rivoluzzjonarji flimkien ma’ ‘aġenti tal-potenzi barranin’ qegħdin jixprunaw il-protesti kontra l-establishment tal-pajjiż.

L-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran, kien il-mira ta’ ħafna rabja mid-dimostranti li qed jipprotestaw kontra l-Gvern u li qed isejħu ‘għat-tmiem tar-reġim Iżlamiku’.

Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Istati Uniti wissa lill-Iran li d-dinja tinsab attenta għal kif  l-awtoritajiet fundamentalisti Iżlamiċi li jikkontrollaw il-pajjiż qegħdin iwieġbu għas-sitwazzjoni.