Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed jikkonkludi sensiela ta’ proġetti

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħdem fuq proġetti fil-lokalitajiet li jagħmlu mal-istess kunsill. Fix-xhur li ġejjin huma mistennija li jibdew xi xogħolijiet oħra biex jitranġaw toroq li kienu saru b’mod ħażin mill-Kunsill Lokali passat immexxi minn kunsilliera Laburisti.

Issa waslu fi tmiemhom xogħolijiet li qed isiru f’San Pawl il-Baħar fi ġnien fejn it-tfal ikunu jistgħu jilgħabu. Il-bandli jinsabu f’post ideali hekk kif jinsab ħdejn skola, bit-tfal ikunu jistgħu jużawh b’mod regolari.

Il-ġnien inbidel u sar iktar sigur u attirat għat-tfal. Il-bandli se jkunu aċċessibli kemm għal dawk li jużaw is-siġġu tar-roti u kemm għal familji bil-pushchairs. Huwa mistenni li x-xogħolijiet jitlestu fil-ġimgħat li ġejjin.

Matul ix-xhur li għaddew bdew ukoll isiru numru ta’ xogħolijiet fejn qed jinqalgħu diversi toroq f’lokalitajiet li jagħmlu parti mal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar. It-toroq reġgħu nqalgħu mill-ġdid, filwaqt li nbidel ukoll is-servizz tal-ilma. Uħud mit-toroq li saru ġew iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, hekk kif ngħataw miljun ewro f’fondi.

Parti mhix-xogħolijiet li qed isiru, qed tiġi restawrata l-kappella ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ, li kienet parti minn skema għall-kunsilli lokali madwar Malta biex postijiet storiċi jiġu restawrati.