L-Ogħla Qorti tar-Russja kkonfermat id-deċiżjoni tal-uffiċjali elettorali biex il-Kap tal-Oppożizzjoni, Alexei Navalny, ikun ipprojbit milli jikkuntesta għall-Presidenza ta’ pajjiżu, fl-elezzjoni ta’ Marzu.
Il-Qorti Suprema f’Moska ma laqgħetx l-appell ta’ Navalny kontra l-projbizzjoni li tħabbret jiem ilu mill-Kummissjoni Elettorali, waqt li sostniet li ‘id-deċiżjoni biex hu ma jikkuntestax (għall-Presidenza) hi kompletament konformi mal-liġi’.
Sadanittant, il-President tar-Russja Vladimir Putin – li r-rati tal-approvazzjoni tiegħu (fost in-nies) huma stabbiliti mat-80 fil-mija – mgħandux isibha diffiċli biex jaċċerta mir-raba’ mandat ta’ poter, fil-vot li jsir fit-18 ta’ Marzu.
Alexei Navalny kien mexxa kampanja determinata għall-Presidenza tul is-sena, minkejja projbizzjoni ċara għall-kandidatura tiegħu fuq il-bażi li hu kien spiċċa kundannat dwar frodi. Intant, ħafna jaħsbu li l-kundanna ta’ Navalny kienet xprunata mill-interessi politiċi – bl-uffiċjali elettorali jħabbru formalment, nhar it-Tnejn, li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed ikun ipprojbit mill-proċess.
Intant, Navalny kien sejjaħ għal bojkott tal-vot Presidenzjali, bil-Kremlin ta’ Moska jsostni li ‘l-awtoritajiet Russi kellhom jaraw jekk is-sejħa għandhiex titqies bħala abbuż tal-liġi’.
Alexei Navalny wieġeb għall-verdett tallum mill-Qorti Suprema b’ripetizzjoni tas-sejħa għal ‘strajk mill-votanti fir-Russja’. Hu sostna li ‘mgħandhomx ikunu rikonoxxuti l-elezzjonijiet mingħajr element ta’ kompetizzjoni’.
//= $special ?>

