Internazzjonali

L-Eġittu: Sentenza ta’ ħabs oħra għal Mohammed Morsi

L-eks President tal-Eġittu, Mohammed Morsi ngħata sentenza oħra ta’  ħabs, effettiva għal tliet snin, talli insulenta lill-ġudikatura tal-pajjiż.

Dan meta Morsi diġà qed jiskonta termini ta’ ħabs oħrajn li jinkludu sentenza ta’ priġunerija għal għomru.

Intant, Morsi qed jistenna biex jgħaddi minn proċess ġdid dwar akkuża separata bbażata fuq kumplott għat-twettiq ta’ azzjonijiet terroristiċi  u li dwarha hu, qabel, kien spiċċa kundannat għall-mewt. Is-sentenza massima għall-eks President Eġizzjan kienet tneħħietlu wara appell.

Mohammed Morsi ilu jgħix fi priġunerija mindu l-militar tal-Eġittu keċċih mit-tmexxija fl-2013. Dan wara sensiela ta’ protesti tal-massa, wara li Morsi kien ħa l-poter bħala l-ewwel mexxej tal-pajjiż elett bil-mezzi demokratiċi.

Morsi, li bħalissa qiegħed jinżamm ġo ħabs ta’ sigurtà massima, fil-passat, kien ċaħad l-awtorità tal-qrati Eġizzjani u, waqt l-ewwel proċess tiegħu, għajjat li ‘hu kien qed jinżamm hemmhekk bil-forza’.