Lokali

Żgħażagħ Luqin jagħmlu presepju b’binjiet storiċi fil-Belt Valletta

Presepju oriġinali ieħor sar minn tmien żgħażagħ Luqin mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, fejn użaw il-Berġa ta’ Kastilja, il-Knisja tal-Vitorja, Pjazza Teatru Rjal u kif ukoll il-Gran Mastru La Valette. Huma kienu ispirati minn Valletta 18, li mis-sena d-dieħla se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

B’differenza għal presepji oħra, f’dan il-presepju m’hemmx għar ta’ Betlem. Minflok intużat dar li tinsab fil-Belt Valletta u li waqgħat fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, xorta nħolqot xena ta’ nattività. Wieħed mill-personaġġi, il-Gran Mastru La Valette jinsab imdawwar fl-isfond tas-swar li kienu importanti għar-rebħ tal-Assedju l-Kbir.

Fil-presepju hemm ukoll numru ta’ pasturi li huma persunaġġi magħrufin f’Ħal Luqa, fosthom l-abbati Ġorġ Sapiano li fl-1883 għamel il-prietka tal-Milied. Minn din is-sena, din it-tradizzjoni bdiet issir fil-parroċċi kollha. Barra dan, kull pastur huwa liebes ilbies tradizzjonali Malti.

Dan il-presepju se jibqa’ esebit sal-festa tal-Epifanija.