Internazzjonali

Sigurtà intensiva madwar id-dinja fost it-tħejjijiet għas-sena ġdida

 

Il-pajjiżi tad-dinja qed iħejju biex jilqgħu sena ġdida oħra, bit-tħejjijiet għaċ-ċelebrazzjonijiet jinsabu fl-aħħar fażi fl-ibliet prinċipali, qabel l-aħħar tokki tal-2017.

Bħalma kien il-każ fi snin preċedenti, it-tħejjijiet qed isiru fost programmi kbar ta’ sigurtà fl-ibliet kapitali u bliet prinċipali oħra tal-Ewropa, bl-istess prekawzjonijiet jispikkaw ukoll fl-Istati Uniti, l-Awstralja u Stati oħrajn madwar diversi kontinenti.

Is-sigurtà f’Londra u madwar ir-Renju Unit għaddiet minn reviżjoni sħiħa wara s-sensiela ta’ attakki terroristiċi f’dan il-pajjiż tul l-2017. Intant, bħalissa qed isiru patrols mill-pulizija armati fil-kapitali kif ukoll fir-reġjuni tal-Midlands u t-Tramuntana tar-Renju Unit, b’numru ta’ vetturi jagħlqu l-aċċessi għal xi zoni sensittivi.

Anki l-awtoritajiet fil-Ġermanja, l-Italja, Franza u Spanja saħħew is-sigurtà għal waqt iċ-ċelebrazzjonijiet imminenti.

Sadanittant, fl-Awstralja wkoll hemm il-miżuri tas-sigurtà effettivi fejn il-pulizija bl-armi awtomatiċi se jkunu għassa fl-ibliet ta’ Melbourne u Sydney fejn diversi zoni se jkunu fuq stat ta’ lockdown għall-protezzjoni taċ-ċittadin.

Fl-Istati Uniti, is-sigurtà se tkun aktar intensiva minn qabel fil-belt ta’ New York, meta hemm stennija kbira għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel tas-Sena tradizzjonali f’Times Square. Dan meta fl-2017 kien hemm numru ta’ attakki qattiela fuq il-folol tan-nies innoċenti f’dan il-pajjiż.

In-nies li sejrin jiddevertu f’Las Vegas għall-Ewwel tas-Sena għandhom jaraw aktar sigurtà mis-soltu li se tinkludi numru sostanzjali ta’ snipers fost oħrajn.

Din il-belt Amerikana hi famuża għall-party kbir li torganizza mal-ewwel tokki tas-sena ġdida u fl-aħħar lejl tal-2017 mgħandhomx jonqsu l-folol li se jattendu għal programm li jinkludi kunċerti minn Britney Spears, Bruno Mars, Maroon 5 u l-Foo Fighters.