Atletico Madrid preżentaw uffiċjalment lil Diego Costa lbieraħ hekk kif l-attakkant hu ddisprat li jagħmel it-tieni debutt mal-klabb. It-trasferiment ta’ Costa kien konfermat lura f’Settembru iżda minħabba li l-ftehim kien barra s-suq tat-trasferimenti, ma setax jilgħab qabel il-bidu tal-2018 li taħbat eżatt mat-tneħħija tas-sospensjoni li Atletico Madrid kellhom mill-FIFA fuq it-trasferimenti.
Flimkien ma’ Costa, kien preżentat ukoll Vitolo, li minħabba l-istess sospensjoni, kien trasferit b’self ma’ Las Palmas minn meta ngħaqad magħhom minn ma’ Sevilla.
Costa ilu ma jilgħab b’mod kompetittiv minn Ġunju wara li tneħħa mill-iskwadra ta’ Chelsea u jinsab iddisprat li jirritorna jilgħab u jerġa’ jibda jiskorja l-gowls.
“Kont qed nistenna għal dan il-mument għal żmien twil. Irrid biss niġi f’kundizzjoni tajba biex nilgħab kemm jista’ jkun malajr. Għajjejt nitħarreġ. Irrid nilgħab. Fiżikament qiegħed ħafna aħjar minn meta ġejt lura. Dak juri li ħdimt u preparajt tajjeb biex nilgħab. Jien qiegħed hawn biex ngħin lit-tim u niskorja,” qal Costa fil-preżentazzjoni.
Il-wasla tiegħu, se tkompli ssaħħa l-attakk ta’ Atletico Madrid, bil-kowċ Simeone għandu wkoll lil Antoine Griezmann, Fernando Torres, Kevin Gameiro u Angel Correa fl-iskwadra.
Costa hu kunfidenti li jista’ jilgħab ma’ kull attakkant fit-tim. “Jien lest li naħdem ma’ kulħadd. Hemm ħafna kompetizzjoni, u l-attakkanti skorjaw ħafna gowls.
Minkejja li ż-żmien tiegħu ma’ Chelsea spiċċa ħażin, Costa xorta jħares b’mod pożittiv wara li rebaħ darbtejn il-Premier League. Hu qal li l-partitarji u sħabu għenuh ħafna, filwaqt li saħaq li Chelsea hu klabb kbir.
//= $special ?>