Lokali

Bl-enerġija tagħna biss naspiraw li nispiraw” – Pierre Portelli, Chairman Eżekuttiv Media.link

Hekk kif se tibda sena ġdida, il-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej minn proċess ta’ tiġdid importanti fejn l-2018 se tkun sena deċiżiva. Fost dawn hemm il-mutur kummerċjali tal-PN li hu vitali għall-operat tal-partit. Biex naraw x’inhuma l-pjani ta’ l-aministrazzjoni l-ġdida il-gazzetta Il-Mument tkellmet maċ-Chairman Eżekuttiv il-ġdid ta’ Media.Link Communications Pierre Portelli.

Inti trabbejt fil-PN, iżda dejjem irnexxielek iżżom l-indipendenza tiegħek u bnejt karriera fil-media. Kif se tirriżolvi dan kollu fil-kariga l-ġdida tiegħek ta’ Ċermen Eżekuttiv tal-media tal-PN?

Dejjem għamilt distinzjoni bejn it-twemmin politiku tiegħi u dak li għandu bżonn isir. Kont hekk anke meta kont Kap ta’ l-Aħbarijiet ta’ Media.link bejn 1998 u l-2004 u bqajt hekk tul il-karriera kollha tiegħi. Qatt ma ħallejt il-politika partiġġjana ittellef milli jsir xogħol tajjeb b’mod professjonali u dejjem poġġejt l-udjenzi kollha possibbli quddiem għajnejja u mhux dawk ta’ kulur politiku wieħed. Hekk nixtieq li mmexxi Media.Link fejn waqt li kulħadd jaf x’inhi l-linja editorjali tagħna ma rridx li jkollna stazzjonijiet għan-Nazzjonalisti biss.

Kemm ilek li lħaqt Ċermen Eżekuttiv diġa tkellimt kemm-il darba dwar it-tibdil li tixtieq twettaq biex ittejjeb il-kwalita tax-xandir ta’ Media.Link. Kif miexi l-pjan?

Irrid ngħid li qabel dħalt għal din il-kariga ħafna wissewni li se nsib reżistenza qawwija mill-impjegati iżda minflok sibt bil-maqlub. Diversi ħaddiema niftakarhom sa minn qabel l-2004 waqt li oħrajn huma ġodda. Hemm ħafna talent iżda l-maġġoranza kbira tagħhom huma dimotivati għaliex jixtiequ direzzjoni, jixtiequ jwettqu proġetti u ma jkunux imxekkla bil-problemi finanzjarji li għandha l-kumpannija.

Minħabba f’hekk il-kwalita tal-programmi f’dawn l-aħħar snin qatt ma setgħet tikkompeti ma stazzjonijiet oħra li jistgħu jinvestu, partikolarment il-PBS. Minkejja dan, xorta l-media tal-PN irnexxiela, b’għaqal u determinazzjoni, tipprovdi l-aqwa rappurtaġġ kull meta inqala’ l-bżonn inkluża l-elezzjoni ġenerali li hi ta’ piż kbir fuq il-ħaddiema. Is-sitwazzjoni finanzjarja li wasalna fiha żammet milli jsir investiment xieraq fl-għodda u dan qed jagħmilha iżjed diffiċli għall-ħaddiema tagħna.

…u allura x’qed isir biex tinbidel is-sitwazzjoni?

M’aħniex se ndawru s-sitwazzjoni mill-lum għal għada iżda f’dawn l-aħħar ġimgħat bdejt inwettaq il-pjan li fassalt fil-bidu tas-sajf meta Adrian Delia kien talabni biex ngħinu. Dak iż-żmien it-tnejn li aħna, flimkien ma Clyde Puli u oħrajn qbilna li l-PN għandu bżonn ibiddel il-mod kif jopera waqt li jżomm sod mal-prinċipji li jsawruna.

Waħda mill-ewwel affarijiet li ħdimna fuqhom hi apprezzament tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema kollha b’hekk issa għandna stampa ċara ta’ min hu kapaċi għal xiex. Sadattant qed isir ukoll apprezzament tal-apparat kollu li għandna u li għandna bżonn. Dawn iż-żewġ eżerċizzji huma bżonnjużi għar-ristrutturar li se nwettaq fl-ewwel kwart tas-snea. Sadattant bdejna naħdmu fuq l-iskedi għar-radju u t-televiżjoni ta’ Ottubru li ġej fejn qed niddiskutu ma diversi producers u freelancers biex jibdew jipproduċu għal Media.link. Ninsab sodisfatt ferm bil-feedback li qed insib.

Il-pjan tagħna hu li nagħmlu ristrutturar u noħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda biex fi żmien tliet snin Media.link ma tibqax taħdem bit-telf. Ma dan irridu nżidu l-udjenzi u nattiraw talenti ġodda waqt li ninvestu f’għodda li tant għandna bżonn.

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Imma taħseb li l-poplu għadu l-istess bhal ftit snin ilu meta tqis li llum hawn ħafna x’tara fuq pjattaformi differenti?

Naqbel li l-kompetizzjoni għal produzzjonijiet Maltin żdiedet ħafna. Il-maġġoranza tal-Maltin ifittxu produzzjoni Maltija sakemm il-livel ikun tajjeb. Kollu ta’ xejn li nipprovaw nimlew 24 siegħa bi programmi jekk biex nagħmlu hekk nissagrifikaw il-kwalità. Produzzjoni tajba tirrikjedi investiment qawwi b’hekk jien nippreferi li nagħmlu inqas iżda ta’ livel għoli.

Ħaġa oħra hi li waqt li l-poplu Malti biddel l-istil ta’ ħaja li jgħix, il-produzzjonijiet Maltin baqgħu jibżgħu jissograw u jitrattaw temi kontroversjali. Għaliex Xarabank baqa jattira udjenzi għolja ħmistax-il sena wara? Għax il-producers ma jibżgħux jitrattaw temi li joħolqu diskussjoni qawwija. Tista’ ma taqbilx mal-format tal-programm iżda għalija Xarabank kien skola eċċezzjonali għal producers Maltin.

L-istess niftakar lil Radio 101 u Net TV meta fetħu rispettivament. Minn hemm ħarġu wħud mill-aqwa politiċi tal-lum kif ukoll il-maġġoranza tal-production houses li jipproduċu l-programmi preżenti. Irridu nerġghu nixegħlu l-fjamma biex żgħażagħ li għandhom ideat jingħataw l-ispazju biex jitgħallmu u jimirħu. Din hi parti mill-istorja, għaliex il-parti l-oħra tirrigwarda l-udjenzi li jridu jaċċettaw li hemm bżonn ta’ bidla fl-istil u l-andament ta l-istazzjonijiet tagħna biex ma nibqghux inwaħħlin fil-passat. Illum il-Maltin għandhom fehmiet varji u ma tistax toħloq profil wieħed għal kulħadd. Irridu nsiru iżjed tolleranti biex l-istazzjonijiet tagħna jkunu miftuħa għal iżjed nies ta’ fehmiet differenti.

M’hemmx dubju li l-midja soċjali saret kruċjali u min mhux preżenti fuqha ma jistax iwassal il-messaġġ sew. X’qed isir f’dan ir-rigward?

Dan hu settur li fil-PN qatt ma ġie imwarrab iżda hawn ukoll trid issir qabża kbira ta’ kwalita li tirrikjedi investiment qawwi. Għal organizazzjonijiet bhalma hu l-PN mhux biżżejjed li jkollok website, news portaljew paġni fuq Facebook. Dak huwa l-bażiku. Illum irridu nħarsu lejn immaniġġjar ta’ big data sabiex nifhmu sew xi jridu n-nies, fuq xiex qed jitkellmu u x’politika trid tinħema.

Minn din l-informazzjoni jista’jitfassal il-kontenut tal-programmi u l-linja editorjali li trid tittieħed. Għandna bżonn l-għodda u din is-sena stess se nkunu qed inwettqu l-ewwel pjan f’dan is-sens. Barra mill-istrateġija u l-għodda trid ukoll armata nies u fil-fatt nixtieq nieħu l-okkażjoni biex inħeġġeġ persuni li jixtiequ jgħinu b’mod volontarju biex jingħaqdu mat-team ta’ volontiera f’dan is-settur li qed jinbena fi ħdan il-partit.

Hemm min jgħid li dan kollu ta’ xejn jekk il-PN mhux se jippreżenta ruhu bhala partit magħqud. Taqbel?

Jekk b’maqgħud tfisser li jkollna partit fejn kulħadd irid jitkellem b’ton wieħed mingħajr l-isfumaturi li jagħmlu partit ħaj u dinamiku, allura ma naqbilx. Jekk min-naħa l-oħra tfisser li tajjeb li jkun hemm id-diversità iżda fl-aħħar mill-aħħar trid tittieħed deċiżjoni waħda u din tiġi rispettata allura sintendi li naqbel u naħseb li fil-maġġor parti tal-każijiet hekk jiġri.

M’hemx dubju li se jibqgħu dawk il-ftit każijiet fejn ikun hemm diżgwid minħabba li t-tmexxija l-ġdida qed tbiddel il-mod kif isiru l-affarijiet, wara erba’ telfiet kbar li fihom in-nies qalulna li m’humiex japprezzaw il-metodi li użajna. Iżda min jagħżel li jipprova jkun akbar mill-partit ikollu jiffaċċja l-elettorat li llum għandu ħafna mezzi kif jurik li mhux jaqbel ma kif tkun qed timxi.

Ġaladarba l-probelmi finanzjarji ma telqux x’għandna nistennew fix-xhur li ġejjina?

Fost il-funzjonijiet tiegħi jien parti mit-Team Finanzi. Dan it-team biddel xi ftit il-kompożizzjoni tiegħu minħabba li issa hemm uffiċjali u tmexxija ġdida iżda baqa jaħdem id f’id ma nies bhal Ann Fenech u diversi esperti li ġabet hi meta saret l-ewwel fażi ta’ ristrutturar finanzjarju li kienet success kbir. Sar ħafna xogħol mit-team ta’ qabel u tpoġġew is-sisien sabiex stajna nkomplu noperaw, issa dan se nkomplu nibnu fuqu permezz tat-team ġdid.

Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed naħdmu bil-għaqal sabiex waqt li nonoraw l-obligi tagħna ntejbu u noħorġu bi proposti ġodda kemm fil-media kif ukoll bhala partit. Dan hu żmien eċitanti għall-Partit Nazzjonalista fejn qed nerġaw nibnu l-fiduċja fin-nies mill-qiegħ. Jekk in-nies tara li qed immexxu l-partit b’entużjażmu u serjeta terġa ddur lejna biex tafdana mmexxu l-pajjiż iżda l-importanti hu li ħadd ma jaħseb li xi ħadd għandu jara programm, jixtri gazzetta, jisma radju jew saħansitra jivota PN bi pjaċir. Dawn isiru biss jekk aħna nsiru partit u media attrajenti u affidabbli, bl-enerġija tagħna waħedha. Hekk biss nistghu naspiraw li nispiraw l-poplu.