Dak li ġie żvelat illum mill-gazzetta The Sunday Times dwar il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u l-Vitals Global Health Care jikkonferma d-dubji li ilu jitkellem dwarhom il-Partit Nazzjonalista. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jieqaf jaħbi u jwieġeb għall-mistoqisjiet li qed isiru.
Sal-lum konna nafu li l-Gvern ta koncessjoni ta’ 3 sptarjiet tal-poplu: Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, lill-kumpanija barranija u misterjuża, li l-benefiċarji tagħha ma nafux min huma. Illum ġie żvelat li l-kontenut ta’ dawn it-3 sptarijiet inkluż l-apparat mediku ġie mibjugħ lil din il-kumpanija misterjuża għas somma skandaluża ta’ Ewro wieħed biss.
Fatt li kien moħbi mill-poplu Malti billi ġie ingassat bl-iswed meta l-Gvern ippublika lkuntratt. Illum sirna nafu wkoll li VGH naqset milli tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha wara anqas minn sentejn topera dawn l-isptarijiet. Dawn l-obbligi wkoll kienu ingassati bl-iswed meta l-gvern ippublika l-kuntratt.
Il-PN qal li minkejja dan il-Gvern kompla għaddej b’dan il-kuntratt u saħansitra ħalla lil VGH tinnegozja u tbiegħ lil kumpanija privata oħra il-konċessjoni li ħadet fuq l-isptarijiet tal-poplu Malti, daqs li kieku l-propjetà tal-poplu hi propjetà tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista bħan-nies hemm barra għadu qed jistaqsi:
1. X’se jagħmel il-Gvern issa li nkixef li d-deal skandaluż li daħal għalih ma’ kumpanija li ħadd ma’ jaf min huma s-sidien tagħha falla?
2. X’penali impona l-Gvern fuq Vitals Global Healthcare wara li dawn naqsu milli jilħqu milestones importanti kif stipulati fil-kuntratt?
3. Il-Gvern kif jispjega l-bejgħ tal-apparat kollu ta’ tlett sptarijiet għal Ewro wieħed biss? U għaliex ħass li għandu jingassa bl-iswed din il-parti meta ippublika ilkuntratt?
4. Kemm laħqu ħadu flus il-Vitals f’dawn is-sentejn li għamlu suppost imexxu lisptarijiet? Kemm se jirkupra minnhom il-Gvern?
6. La darba il-ftehim m’għadux fis-seħħ, il-Gvern lest jippublika il-kuntratt kollu ma’ VGH mingħajr ħabi u ċ-ċensuri bil-linji suwed?
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jistqarr li jinsab imħasseb b’dan il-każ xempju ta’ nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ governanza tajba. F’isem il-poplu Malti jeżiġi tweġibiet ċari u mingħajr ħabi.
//= $special ?>