Kollox jindika li ordni minn fuq lit-Tmexxija tal-Ħabs biex it-tliet priġunieri akkużati bid-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jinżammu iżolati mill-kumplament tal-priġunieri wasslet biex wieħed minnhom – Ġorġ Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż – fil-jiem li għaddew ipprova jneħħi ħajtu b’idejh billi juża xi lożor. Dan kien żvelat illum mill-gazzetta il-mument.
Jirriżulta li Ġorġ Degiorgio pprova jneħħi ħajtu b’idejh b’xi lożor li kien hemm fiċ-ċella tiegħu iżda minnufih induna l-Uffiċjal tal-Ħabs li kien għassa u intervjena fil-ħin filwaqt li talab ukoll l-għajnuna ta’ kollegi tiegħu biex setgħet tkun salvata l-ħajja tal-priġunier.
Sorsi fil-Ħabs ta’ Kordin qalu lil il-mument li Ġorġ Degiorgio, ħu Fredu Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’ u Ċensu Muscat magħruf ‘Il-Koħħu’ baqgħu jinżammu fi tliet ċelel separati u iżolati għalihom waħdihom. Kull wieħed f’ċella għalih u bla ma jista’ jikkomunika ma’ ħadd.
Din il-kwistjoni diġà kienet inqalgħet waqt is-smigħ tal-kumpilazzjoni meta t-tlett irġiel kienu avviċinaw lill-Avukati Difensuri tagħhom u lmentaw dwar il-kundizzjonijiet inumani li fihom kienu qed jinżammu fil-Ħabs ta’ Kordin.
Saħansitra wieħed minnhom – Fredu Degiorgio – kien qal li kemm-il darba din is-sitwazzjoni ma kenitx se tinbidel, hu kien se jirrikorri għal strajk tal-ġuħ għaliex ma felaħx aktar jinżamm f’ċella kollha kesħa u li ma hix tajba għall-ebda priġunier.
Aktar dettalji fil-gazzetta il-mument …
Fl-aħħar ħin
Il-familja ta’ George Degiorgio għamlet kuntatt mal-Kamra tal-Aħbarijiet fejn qed tiċħad li Degiorgio għamel attentat ta’ suwiċidju. Qalet ukoll li Degiorgio m’għadux iżolat u ilu miżmum f’Diviżjoni tal-Ħabs għal diversi jiem. Il-Gvern fi stqarrija li ħareġ ċaħad li ċ-Ċiniż prova jagħmel suwiċidju, madanakollu s-sori tal-gazzetta il-mument komplew isostnu l-verżjoni ta’ dak li ġie rrapurtat.
//= $special ?>