Il-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun se tkun qed tiċċelebra, il-Ġublew tad-Deheb, il-50 sena minn mindu saret paroċċa, 1968 – 2018.
L-istorja ta’ din il-Parroċċa bdiet tiżvolġi f’Mejju tal-1920, meta ċertu Pawlu Burlo, ġietu l-ideja li jistieden lit-tfal ta’ l-inħawi tal-Ħamrun sabiex jinġabru fil-kappella ta’ daru biex jgħidu r-ruzarju. Il-parteċipazzjoni kienet ħafna u fil-jiem ta’ wara bosta mit-tfal ħadu magħhom lill-ġenituri u l-ħbieb tagħhom. Permezz tar-ruzarju bdiet tikber id-devozzjoni lejn il-madonna.
Din id-devozzjoni baqgħet tikber għal għexieren ta’ snin, grazzi wkoll għall-ħidma kontinwa ta’ Dun Edgar Vella. Fl-1958, nhar it-23 ta’ Marzu, tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-knisja tal-lum. Fl-1963 il-bini tal-knisja kien lest, u fl-1 ta’ Lulju 1966 hija saret Viċi Parroċċa. Sena u nofs wara hija saret parroċċa, fl-1 ta’ Jannar 1968.
Il-binja tal-parroċċa kompliet tizvilluppa flimkien mal-komunità ta’ madwarha. Rat personaġġi li ħadmu f’silenzju għall-ġid tan-nies u oħrajn li x-xogħol tagħhom ħareġ fil-beraħ.
Fit-28 ta’ Lulju 1974 laqgħet Madre Tereza ta’ Calcutta.
Kompliet il-ħidma għal vara titulari ġdida, biex fl-Lulju tal-1986 ħarġet għall-ewwel darba l-vara artistika tal-lum, tal-Immakulata. Ħidma fuq qniepen ġodda, fuq antiporta ġdida, Via Sagra mill-isbaħ u fuq kull oġġett oħra li kompla jgħolli l-valur tal-knisja tal-Immakulata fil-Ħamrun, mibnija fuq stil modern izda mhux nieqsa mill-arti klassika sal-aħħar.
Il-Parroċċa baqgħet tikber kemm f’dak kollu li hu intern u anke estern, twaqqfu l-Grupp Armar, l-Għaqda tan-Nar, u kif ukoll l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni flimkien m’għaqdiet oħrajn li lkoll kienu u għadhom kruċjali għall-pedamenti tal-parroċċa.
Iżda l-ħidma ma kinietx biss fuq affarjiet bħal dawn, tul il-50 sena parroċċa, u anke qabel, il-Parroċċa tal-Immakulata tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun kienet fil-qalba tal-Ħamrun u ta’ lokalitajiet fil-viċin biex tgħin fil-formazzjoni tal-karattru ta’ bosta.
Id-devozzjoni lejn l-Immakulata fl-inħawi għadha tinħass u għadha b’saħħitha. L-għan ewlieni ta’ kull kappillan, kull qasis, kull lajk li għen f’din il-paroċċa kien u għadu li fit-toroq, fi kwalunkwe żmien mhux biss ikun hemm briju, iżda jkun hemm spirtu ta’ ġabra u devozzjoni lejn il-Patruna tal-Parroċċa u tal-Ħamrun, lejn l-Immakulata Kunċizzjoni.
Muntaġġ ta’ Raphael Farrugia
//= $special ?>