Lokali

FILMAT: Id-Dar tal-Providenza bżonn €4.5 miljun fis-sena biex toffri s-servizzi tagħha għal dawk fil-bżonn

Appell għad-donazzjonijiet tal-pubbliku fl-ewwel jum tas-sena fil-Festa ta’ Ġenerożità

Kollox lest biex fl-ewwel jum tas-sena ssir il-maratona Festa ta’ Generożità b’riżq id-dar tal-Providenza. Maratona importanti biex din id-dar tkompli tagħti l-għajnuna lil aktar minn 100 resident bi bżonnijiet speċjali. Dan apparti r-residenzi li d-Dar tal-Providenza fetħet fil-komunità. Kull sena, biex tibqa’ topera d-Dar tal-Providenza tiġi bżonn 4.5 miljun ewro.

Għalhekk, din il-maratona fl-ewwel ġurnata tas-sena hija importanti ħafna, kif jispjega d-Direttur tad-Dar, Dun Martin Micallef:

“Id-Dar tal-Providenza għandha bżonn ħafna flus, madwar €4.5 miljun fis-sena, biex tkun tista’ tkompli toffi servizz residenzjali individwalizzat li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tal-persuni li għandhom bżonn is-servizzi tagħna. Għalhekk, inħeġġu lil poplu Malti u Għawdxi biex għal darb’oħra jkompli juri x’qalb kbira għandu billi jaħseb ukoll fid-Dar tal-Providenza.”

Matul il-Festa ta’ Ġenerożità, li se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni – fosthom Net Television, apparti d-donazzjonijiet tal-pubbliku, se jsir irkant ta’ bċejjeċ ta’ arti ta’ ’l fuq minn 100 artist Malti u barrani li ġew offruti b’xejn lid-Dar tal-Providenza.

“Din is-sena komplejna diversi xogħolijiet ta’ manutenzjoni fid-djar kollha li għandna. Illum għandna 4 idjar fil-komunità u wieħed mill-proġetti kbar li tal-2017 hija l-ħidma fuq dar oħra fil-komunità fil-Balluta li kważi hija lesta. Din jekk Alla jrid se niftħuha fl-anniversarju tal-50 sena minn meta daħlu r-residenti fid-Dar tal-Providenza.

Ordnajna u qed ninstallaw diversi liftijiet biex inbiddlu liftijiet li issa qdiemu. Inkluż magħhom hemm lift ġdid għad-dar tal-Balluta li tant kellha bżonn. Jekk Alla jrid is-sena ddieħla se nkunu qed ninstallaw lift f’Dar Żernieq, liema dar se tiġi rranġata matul din is-sena.”

Ix-xandira se tibda bix-xandira live fid-9 ta’ filghodu b’quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar u tibqa’ sejra sa nofsillejl. Wieħed jista’ jċempel jew iżur id-Dar biex jagħti d-donazzjoni tiegħu u jgawdi l-atmosfera tal-Festa ta’ Ġenerożità.