Internazzjonali

Ikomplu l-protesti fl-Iran

M’huma qed ibattu xejn il-protesti kontra l-Gvern Iranjan. Protesti kontra sitwazzjoni ekonomika mwiegħra u korruzzjoni fl-ogħla livelli.
Tant li l-Gwardja Rivoluzzjonarja wissiet li jekk dawn il-protesti mhux se jieqfu, kienet se tuża “l-ponn tal-ħadid” biex trażżanhom.
Kien hemm ukoll rapporti li kien hemm imwiet hekk kif il-forzi tas-sigurta fetħu n-nar fuq id-dimostranti.
Id-dimostrazzjonijiet ilhom sejrin għal dawn l-aħħar tlett ijiem.
Bħala konsegwenza tas-sitwazzjoni li hemm, qed ikun hemm restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-siti soċjali fosthom Telegram u Instagram. Dan peress li s-servizz ta’ Telegram qed jintuża biex jiġu organizzati l-protesti.
Fil-bliet ta’ Khoramabad, Zanjan u Ahvaz, id-dimostranti sejħu saħansitra għall-mewt tal-Ayatollah Ali Khamenei, il-mexxej suprem Iranjan.