Lokali

Il-PN se jkompli jkun pożittiv u Oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli – David Agius

Ritratt: Martin Agius

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li matul is-sena li ġejja se jkompli jkun partit pożittiv, oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli f’dak kollu li tkun qed tagħmel. Għalhekk qed tħares lejn numru ta’ affarijiet pożittivi u konkreti għal jiem li gejjin meta fi ftit jiem oħra se jerġa’ jiftaħ il-Parlament. Dan stqarru il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius.

Meta elenka il-prijoritajiet li  se jkollu l-Partit Nazzjonalista, David Agius qal li l-oppożizzjoni Nazzjonalista se tkompli tagħmel numru ta’ mozzjonijiet  u anke numru ta’ Private Members’ Bills biex tkun pożittiva u kostruttiva.

Mozzjoni dwar Zonqor

L-ewwel fost dawn se tkun mozzjoni relatata maż-Zonqor biex dan il-post jerġa’ jingħata lura  lill-poplu Malti. Huwa kompla jgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tata li l-art fiż-Żonqor fil-limiti ta’ Marsascala  ma tbqax aktar f’idejn Sadeen Education Investments Limited  iżda titħalla kif inhi fl-istat naturali tagħha  u terħa ssir art pubblika li tiġi protetta u fuq kollox titgawda mill-poplu Malti u Għawdxi. Dan ikun konferma li l-Oppożizzjoni qed tkun viċin in-nies u l-oppożizzjoni trid li l-ambjent jirbaħ  u li l-ġid nazzjonali jingħata l-importanza li jixraqlu. Huwa qal  li fuq kollox din l-istituzzjoni edukattiva  ma laħqitx il-miri tagħha  u zgur li ma kellhiex bżonn  din l-art.

Konsultazzjoni dwar il-ħatra ta’ Prim imhallef

Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius  f’intervista ma’din il-gazzetta qal li l-oppożizzjoni qed tara li l-Gvern għandu jikkonsulta magħha, hija lesta li tkun parti mill-konsultazzjoni, ghaliex anke l-liġijiet tal-pajjiż jitolbu li l-oppożizzjoni tkun konsultata, illum anke fil-ħatra tal-Prm Imħallef. David Agius qal li huwa qiegħed jistenna li l-Ministru tal-Ġustizzja jikkonsulta kemm miegħu kif ukoll mal-kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli minn dan is-settur  biex jaraw il-Gvern b’liema suġġerimenti joħroġ u min-naħa tagħha l-oppozizzjoni tkun lesta li tikkunsidra l-ismijiet li jiġu proposti lilha.

Mozzjonijiet privati

David Agius kompla jgħid li fil-bidu  tas-sena l-ġdida se jkunu qed iressqu numru ta’Private Members’ Bills fuq diversi suġġetti minn diversi kelliema Nazzjonalisti  li huma responsabbli minn diversi setturi u allura b’hekk ikunu qed juru li huma Oppożizzjoni kostruttiva, oppo’izzjoni li tkun qed turi li qed tagħmel xogġol li forsi lanqas il-Gvern m’hu qed jagħmel jew li forsi mhux qed jagħtih daqstant importanza.

Investigazzjoni dwar il-kuntratti tal-isptarijiet

Il-Viċi Kap Nazzjonalista għall-ħidma fil-Parlament qal li jridu jaraw li qed jikkritikaw fejn għandhom jikkritikaw u jħaddmu numru ta ta’ istituzzjonijiet li huma importanti f’pajjizna fosthom l-Awditur Generali. Għalhekk huwa qal li fil-ġranet li ġejjin l-Oppożizzjoni permezz tad-Deputati tagħha se tkun qed titlob  li l-uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika janalizza is-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa fil-qasam tas-saħħa u l-isptarijiet li l-Gvern qed imexxi minn kumpannija għall-oħra  u għaldaqstant bħala Oppożizzjoni fil-ġranet li ġejjin se jkunu qegħdin jiktbu lill-Uffiċċu tal-Awditur Ġenerali biex dan ikun jista’ jagħmel l-investigazzjonijiet  u jidħol b’aktar saħħa fuq dak li qed jiġri fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.