Lokali

FILMAT: Il-PBS jirrifjutaw li jxandru l-messaġġ tal-ewwel tas-sena tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni

NET u ONE se juru l-messaġġ taż-żewġ mexxejja għall-ewwel darba

Il-board tal-Public Broadcasting Services li tmexxi l-mezzi tax-xandir tal-poplu Malti u Għawdxi rrifjutaw li jxandru l-messaġġ għall-ewwel tas-sena tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia minkejja li din hi waħda mill-ogħla karigi kostituzjanali fil-pajjiż.

F’ittra mibgħuta mill-PBS b’risposta għal talba biex il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni jiżdied ma dawk tal-President ta’ Malta, l-Prim Ministru u l-Arċisqof meta jiġu trasmessi fuq ix-xandir ta’ l-Istat, intqal li “l-proposta ġiet diskussa u kkunsidrata mill-Board tal-PBS li ddeċieda li bħala stazzjon nazzjonali għandu jsegwi l-prassi stabbilita bosta snin.”

It-talba biex jiżdied ukoll il-messaġġ tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni saret fl-ispirtu ta’ mod ġdid kif issir il-politika li wiegħed u qed iwettaq Adrian Delia. Fil-fatt sar ukoll kuntatt mal-istazzjon tal-Partit Laburista ONE fejn ġie offrut li għall-ewwel darba NET TV ixandar il-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma dak ta’ Adrian Delia, tal-President u ta’ l-Arċisqof jekk jintaħaq ftehim biex il-messaġġ tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jixxandar ukoll fuq ONE TV.

Iżda minkejja li l-partit politiċi ewlenin qablu li jxandru għall-ewwel darba l-messaġġ tal-kapijiet rispettivi tagħhom, il-PBS wieġeb li “l-Bord ma jħossx li d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun dipendenti fuq x’jagħmlu jew ma jagħmlux l-istazzjonijiet politiċi.” Iżda minn naħa l-oħra l-Bord tal-PBS qal li se jiddependi d-deċiżjoni tiegħu fuq prassi stabbilita mill-istazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa li jxandru l-messaġġ tal-kapijiet tal-istat u/jew tal-Kap tal-Eżekuttiv. Peress li l-istazzjonijiet Ewropej ma jxandrux il-messaġġ tal-ewwel tas-sena ta’ l-Isqfijiet tal-pajjiż mhux ċar jekk il-PBS hux beħsibu jbiddel din il-prassi wkoll fil-futur qarib.

Il-messaġġi tal-mexxejja kollha tal-pajjiż se jixxandru fuq NET TV wara l-aħbarijiet tas-7:30 tal-lejla.