Skada ż-żmien b’aktar minn xahar minn meta l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela kellu jigi ppreżentat b’rapport ta’ inkjesta li kellha tinvestiga allegati rabtiet bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja.
Ir-rapport ta’ inkjesta kellu jitlesta sal-25 ta’ Novembru li għadda, u dan skont ittra ta’ ħatra mibgħuta mill-Ministru Carmelo Abela lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fejn jingħad li “jekk il-konklużjoni se tiddewwem iżjed minn dan il-perijodu, il-Bord ta’ Inkjesta jrid jissottometti rapport qabel l-iskadenza ta’ din id-data fejn jindika r-raġuni għall-estensjoni li qed tiġi rikjesta.”
Ebda spjegazzjoni mill-Ministru
Waqt li jidher ċar li skada ż-żmien li matulu l-Ministru Abela kellu jirċievi r-rapport tal-inkjesta, il-Ministru konċernat għadu ma tax spjegazzjoni pubblika għala l-Bord ta’ Inkjesta talab xi forma ta’ estensjoni.
Fis-seduta parlamentari tat-13 ta’ Novembru li għadda, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici kien talab lill-Ministru Carmelo Abela biex jgħid minn min kienet se titmexxa l-inkjesta u x’termini ta’ referenza għandha.
Madankollu kellha tkun mistoqsija supplimentari tal-istess Deputat Nazzjonalista li saret fis-17 ta’ Novembru, li l-Ministru Carmelo Abela kellu jiżvela min huma l-membri tal-Bord ta’ Inkjesta kif ukoll li jippubblika l-ittra tal-ħatra tagħhom li tinkludi wkoll it-termini ta’ referenza.
Skont it-tieni tweġiba mogħtija mill-Ministru Carmelo Abela l-Bord ta’ Inkjesta huwa magħmul minn ta’ ġewwa b’Joseph Camilleri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza; Nancy Caruana, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar u Joseph Caruana, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi.
Il-Ministru jordna lill-Bord biex ma ssirx referenza għal reati kriminali
Tispikka b’mod partikolari l-parti fit-termini ta’ referenza li l-Ministru Carmelo Abela stabilixxa lill-Bord tal-Inkjesta taħt it-titolu “Ebda sejba ta’ reat kriminali”. Hawn il-Ministru Carmelo Abela qed jordna lill-Bord li m’għandux jikkonkludi jew isib li twettaq reat kriminali, jew li tintuża l-lingwa tal-liġi kriminali waqt li qed tkun qed tiġi mfissra xi mġiba partikolari. Il-Ministru Abela jmur lil hinn minn dan u jitlob li jekk waqt il-kors tal-investigazzjonijiet tal-Bord, dana jifforma l-opinjoni li xi persuna setgħet ikkommettiet xi reat kriminali, il-Bord għandu jirreferi l-kwistjoni immedjatament lilu.
Mitlub jikkummenta minn il-mument, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici qal “li tenut kont tas-serjetà tal-każ u li l-allegazzjonijiet gravissimi li saru fil-ġurnal importanti ħafna fid-dinja tal-finanzi Taljana, wieħed kien l-ewwel jippretendi li għandu jkun hemm skrutinju indipendenti, estern għaċ-ċivil u oġġettiv sabiex r-riżultanzi jiġu aċċettati u t-tieni li almenu r-rapport relattiv ma jdumx biex isir u jiġi ppubblikat. F’kull każ ikun ċertament żball politiku jekk wieħed jittraskura u jħalli ż-żmien għaddej.”
Allegazzjonijiet dwar “xibka ta’ ħbiberija fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti”
Il-ġurnal awtorevoli Taljan Il Sole 24 ore kien irrapporta dwar dik li kien sejjaħ “xibka ta’ ħbiberija ma’ uffiċjali għolja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti li qed tiffaċilità t-traffikar ta’ fuel mil-Libja”.
Il-ġurnal Taljan kien irrapporta wkoll li dwar din kienet qed issir investigazzjoni mill-Guardia di Finanza ta’ Katanja.
Il-ġurnal kien irrapporta kif miljuni ta’ litri ta’ diesel u prodotti oħra taż-żejt qed jidħlu b’mod illegali mil-Libja għas-suq Taljan u Ewropew. L-investigazzjoni wasslet għall-arrest ta’ numru ta’ Taljani, Maltin u Libjani li kienu qed jimportaw minn raffinerija taż-żejt f’Zuwara, aktarx bil-“barka” ta’ uffiċjali fil-kumpanija nazzjonali taż-żejt Libjana li jagħlqu għajn waħda.
Il-ġurnal Taljan semma li mill-investigazzjoni ħareġ li hemm diversi rabtiet u kuntatti ma’ “persunaġġi influwenti” fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti. L-awtoritajiet Taljani qed isostnu li wieħed mis-suspettati ewlenin, l-eks plejer tal-futboll Darren Debono, ħa sehem f’mill-inqas laqgħa waħda li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fid-29 ta’ Jannar 2016.
Il Sole 24 ore kkwota dik li tidher li hi telefonata interċettata ta’ Darren Debono ma’ Taljan bl-isem ta’ Marco Porta. F’din it-telefonata li saret fit-3 ta’ Ġunju 2016, Debono isemmi mara mlaħħqa fil-Ministeru u li hemm bżonn tal-firma tagħha biex il-prodotti illegali jkunu legalizzati.
Skont il-Guardia di Finanza, ċertu dokumenti iffirmati minn “Legalisation Officer” tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bil-firma “K M”, intużaw biex “jillegalizzaw” l-oriġini ta’ minn fejn ġej il-fuel. L-investigaturi jgħidu li dan juri li dan il-grupp kriminali kien kapaċi juża “x-xibka ta’ ħbiberiji ta’ Darren Debono li kienet tinkludi il-kollaborazzjoni minn uffiċjali għolja Maltin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.”
//= $special ?>