Lokali

Jitħabbar il-kast għall-musical Jesus Christ Superstar ġewwa l-Astra

It-Teatru Astra ħabbar kast ċelebri għall-produzzjoni tal-live musical, Jesus Christ Superstar. Din il-produzzjoni, li ser tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tat-Teatru Astra, ser tkun taħt id-direzzjoni artistika ta’ Hugh Wooldridge, ta’ fama internazzjonali, fejn matul il-karriera tiegħu kkollabora bis-sħiħ ma’ ismijiet ta’ fama dinjija, bħal Andrew Lloyd Webber u Tim Rice. Dan kollu filwaqt li Mro Sigmund Mifsud għat-tielet sena konsekuttiva ser ikun qed jidderieġi mużikalment din il-produzzjoni.

Il-musical Jesus Christ Superstar apparti l-element ta’ talent lokali ser ikollu laqta ta’ talent internazzjonali. L-esperjenza li jġorr miegħu Hugh Wooldrige żgur ser tgħolli aktar il-livell ta’ din il-produzzjoni. Fi żjara li għamel f’pajjiżna ftit tal-ġranet ilu, Woodridge stqarr li jinsab kuntent li ser ikun qed jaħdem f’Malta għall-ewwel darba fuq produzzjoni ta’ din ix-xorta li tappella għall-ġenerazzjonijiet kollha u li ser tkun proprju qed tittella’ fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Fi kliem Wooldridge stess, il-musical Jesus Christ Superstar jittratta l-aħħar sebat ijiem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, imma kif jidhru mill-perspettiva ta’ Ġuda l-Iskarjota.

Ir-rwol ta’ Ġesù ser ikun interpretat mill-attur u kantant ċelebri Amerikan, David Michael Johnson. Johnson ħa sehem f’diversi produzzjonijiet fi Broadway, kif ukoll huwa residenti regolari f’Radio City Music Hall fi New York. Barra minn hekk, Johnson ħa sehem ukoll fi produzzjonijiet internazzjonali li dderieġa Hugh Wooldridge, fosthom: The Music of Andrew Lloyd Webber, Chess in Concert (Royal Albert Hall, Londra), An Evening with Tim Rice (Barbados u Londra), kif ukoll is-serje ta’ kunċerti bl-isem The Night of 1000 Voices fir-Royal Albert Hall f’Londra. Fl-Ewropa, Johnson ħa sehem fil-musical We Will Rock You, kif ukoll fil-produzzjoni Best of Musical Gala Tour.

Il-parti ta’ Ġuda l-Iskarjota ser tkun interpretata mill-kantant popolari lokali Chris Grech. Grech ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena mużikali ta’ pajjiżna. Ir-rockstar Malti, li tispikka l-vuċi eċċellenti li jippossedi, ser ikun qed jinterpreta l-parti ta’ Ġuda għall-ewwel darba, fejn is-soltu dejjem jinterpreta l-parti ta’ Ġesù f’dan l-istess musical.

Rachel Fabri ser tkun qed tinterpreta l-parti importanti ta’ Marija ta’ Magdala. Fabri, li tħarrġet l-Ingilterra, ilha għal dawn l-aħħar sbatax-il sena taħdem fi produzzjonijiet teatrali madwar id-dinja. L-aħħar musical tagħha kien The Sound of Music (Grapevine Music, Malta) fl-2016 fejn interpretat Maria. Hija ħadet sehem f’diversi kunċerti li kienu sold-out fl-Ingilterra u l-Istati Uniti mal-grupp ta’ erba’ tfajliet All Angels, li Fabri tagħmel parti minnu.

Roger Tirazona ser ikun qed jinterpreta l-parti ta’ Pilatu filwaqt li l-artist żagħżugħ Għawdxi Remy Azzopardi ser ikun qed jinterpreta l-parti ta’ Pietru, filwaqt li l-attur popolari Malti Christopher Dingli ser jinterpreta l-parti tas-Sultan Erodi.

Atturi oħrajn lokali li ser ikunu qed jieħdu sehem f’din il-produzzjoni mużikali huma; Wallace Camilleri (Anna), il-baritonu Noel Galea (Kajfa), u Fabian Galea li ser ikun qed jinterpreta wkoll il-parti ta’ wieħed mill-qassisin Lhud.

Jesus Chris Superstar ser ikun qed jittella’ bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni Valletta 18. Iż-żewġ rappreżentazzjonijiet huma skedati li jsiru nhar is-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018. Biljetti jinkisbu minn hawn.