Lokali

Karozza u bieb ta’ dar jieħdu n-nar fil-Belt fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Ħadd ma jidher li weġġa’ f’inċident fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu li fih ħadet in-nar karozza fil-Belt Valletta. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.20 ta’ filgħodu bejn Triq l-Isptar u Triq ir-Repubblika, u kien f’dak il-ħin li l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm karozza li kienet qed taqbad.

Minnufih fuq il-post, apparti Pulizija mill-Għassa tal-Belt, issejħu wkoll pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li marru fuq il-post biex jikkontrollaw in-nar, li għad mhux magħruf kif żviluppa.

Wara xi ħin, l-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom jikkontrollaw in-nar – li mhux biss ħakem lill-karozza tat-tip Ford Focus, iżda li kien laħaq infirex ukoll għal ma’ faċċata ta’ residenza biswit il-karozza. Filfatt, kelliema għall-Pulizija qaltilna li konsegwenza tan-nar kien hemm parti minn residenza li kellha l-bieb u ankè parti mill-gallarija jaqbdu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li hu mifhum li ħatret xi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li qed tagħmel, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.