Lokali

Malti arrestat fl-Olanda wara li ħarref ħrafa dwar bomba fuq ferrovija

Malti ta’ 45 sena allegatament ġie arrestat fl-Olanda wara li l-midja Olandiża rrapurtat li r-raġel x’aktarx li vvinta storja dwar bomba fuq ferrovija.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li uffiċjali tal-Pulizija Olandiżi ġew infurmati wara li qam kjass sħiħ hekk kif ir-raġel sab ittra b’theddida ta’ bomba fuq ferrovija li sussegwentament kellha titwaqqaf u tiġi evakwata f’Oldenzaal, proprju bejn Amsterdam u Berlin. Madanakollu, fortunatament wara li saret tfittxija abbord il-ferrovija ma nstab xejn.

Il-midja Olandiża kompliet tirraporta li hekk kif il-Pulizija kompliet tinvestiga dan wassal għall-arrest tar-raġel Malti li skont ir-rapport jinsab għal btala fl-Olanda.

Iżda wara aktar investigazzjoni rriżulta li l-Malti ma sab l-ebda ittra u li l-istorja kienet ħrafa mill-bidu sal-aħħar.

Skont is-sit tal-aħbarijiet, ir-raġel għadu qed jinżamm għal aktar investigazzjoni.