Lokali

“Messaġġ ta’ tama li bħala pajjiż nistgħu ningħaqdu flimkien” – Adrian Delia fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena

Minn ħanut tat-tè, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian wassal messaġġ pożittiv u ta' tama li fis-sena l-ġdida, ningħaqdu flimkien biex intejbu l-ħajja ta' dawk l-iktar fil-bżonn

“Irrid inwassal messaġġ ta’ tama li bħala pajjiż nistgħu ningħaqdu flimkien”. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida.

Minn ġo ħanut tat-tè, u mdawwar biż-żgħażagħ u n-nies, Adrian Delia qal li fil-bidu tas-sena l-ġdida, irridu naraw kif din is-sena affettwatna u kif se nagħmlu l-almu tagħna biex is-sena l-ġdida tkun aħjar, u biex fuq kollox, mingħaqdu bħala pajjiż.

“Għall-ewwel messaġġ tiegħi ġejt nieħu kafè jew tè man-nies, maż-żgħażagħ u ma’ dawk kollha li f’postijiet differenti jitkellmu, jaħsbu u joħolmu fuq dak li ġej fis-sena l-ġdida”, qal Adrian Delia. “Ma rridx noqgħod nidħol f’min mar tajjeb u min mar ħażin. Imma rrid li nistaqsu flimkien bħala pajjiż, bħala nazzjon: Is-sena d-dieħla kif qed narawha? X’naħsbu għal pajjiżna?” staqsa Adrian Delia. “U dan il-messaġġ qasir ma nixtieqx li jkun wisq politiku, imma nixtieq li jkun messaġġ ta’ tama, u li bħala pajjiż għandna ningħaqdu flimkien”, żied jgħid.

Fl-ewwel messaġġ tiegħu tal-Ewwel tas-Sena bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal li l-għan tagħna għas-sena l-ġdida huwa li naraw x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ dawk fil-bżonn.

“Mhux biżżejjed li n-numri huma tajbin, għax iridu jkunu l-persuni li jgawdu”, innota l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia żied jgħid li mhux biżżejjed li tikber l-ekonomija li jkun hemm ftit nies li jaqilgħu ħafna flus, imma huwa fid-dover tal-Gvern, tal-politiċi u tan-nazzjon li jara li l-flus jaslu wkoll għand dawk fil-bżonn.

Fl-appell tal-għeluq, Adrian Delia qal li l-iskop m’għandux ikun li partit jirbaħ fuq l-ieħor – imma li ssir differenza fil-ħajja tan-nies.

“L-appell tiegħi hu li mis-sena d-dieħla nibdew inbiddlu l-mod kif naħsbu u nagħmlu l-politika. Mhux biex partit jirbaħ fuq l-ieħor, imma biex bħala nazzjon, nissaħħu”, qal Adrian Delia. Hu appella biex bħala individwi nkunu aktar eqreb lejn xulxin sabiex inkunu nistgħu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.