Lokali

AĠĠORNAT: Jinżamm arrestat wara attentat ta’ serqa minn forn f’Ħal Qormi

Kenneth Bajada ammetta li prova jagħmel hold up fil-forn ta’ Paul ta’ Kalċ Bakery, f’Ħal Qormi. Dan hekk kif illum waranofsinhar tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fejn l-akkużat stqarr  li xorob l-inbid filgħodu u fassal f’rasu li jagħmel din il-vavata.

Bajada sostna li jiddispjaċih u li qatt ma għamel dawn l-affarijiet.

Madanakollu l-Maġistrat stqarret li r-raġel għandu jfittex l-għajnuna u jevita akkost ta’ kollox li jwettaq każ bħal dan. Filwaqt li ordnat sabiex għalissa jinżamm taħt arrest preventiv hija żiedet tgħid li fortunatament ma seħħewx konsegwenzi aktar serji meta wieħed jikkunsidra l-arma li ntużat kienet xabla mdaqqsa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispttur Kylie Borg u l-avukat tal-għajnuna legali minn Dr Joe Ellis.

Dan kollu wara li żewġ furnara  irnexxielhom jirreżistu  lil Bajada wara li pprova jisraq cash register minn forn fi triq L-isqof Scicluna f’Ħal Qormi.

Jirriżulta li kollox beda meta l-ħalliel daħal fil-forn liebes skufja u armat bi strument li jaqta’ u bil-ponta u pprova jisraq il-cash register li kien fiha xi flus.

Kien f’dan il-mument li ż-żewġ furnata, marru fuq il-ħalliel u rnexxielhom iżommuh milli jaħrab. Kien hawn li waqt li żammewh mal-art, sejħu l-Pulizija li waslu fuq il-post u arrestaw il-ħalliel li għandu 40 sena.

Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.