Lokali

Raġel ferut gravi wara li ntlaqat b’karozza

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Raġel Ingliż ta’ 57 sena ittieħed l-Isptar Mater Dei isofri minn ġrieħi gravi wara li ntlaqat b’karozza. L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10p.m fi Triq il-Qawra f’San Pawl il-Baħar.

Mill-ewwel stħarriġ mill-pulizija tad-Distrett irriżulta li r-raġel intlaqat b’vettura tat-tip Toyota Yaris misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti f’San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura.  Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.