Futbol Sport Sport Ieħor

Serena Williams eċċitata wara li rritornat għal-logħob

Serena Williams lura fl-azzjoni (Ritratt: EPA)

Serena Williams kienet eċċitata li tirritorna wara li lagħbet l-ewwel logħba tagħha minn meta welldet erba’ xhur ilu. Il-logħba tal-ħbiberija li ntlagħbet f’Abu Dhabi kontra Jelena Ostapenko, kienet l-ewwel waħda għall-Amerikana fi 11-il xahar.

Williams sabitha diffiċli bil-movimenti tagħha fil-bidu, iżda pproduċiet wirja tajba f’telfa ta’ 6-2, 3-6 (10-5). Mistoqsija dwar id-difiża tat-titlu tal-Open tal-Awstralja li jibda fil-15 ta’ Jannar, Williams qalet li kienet qed tieħu kollox ġurnata b’ġurnata.

Minħabba li tinsab fit-22 post fir-rankings tad-dinja, hi ma jkolliex bżonn wildcard biex tilgħab fl-ewwel Grand Slam tal-istaġun il-ġdid. “Se nanalizza kollox mal-kowċ Patrick Mouratoglou u t-tim tiegħi, u nimxu minn hemm. Ma nafx jekk hux lesta totalment. Meta nirritorna, irrid nissielet biex nirbaħ it-titli.”

Williams li welldet it-tifla tagħha f’Settembru li għadda, għadha ma kinitx fl-azzjoni minn meta rebħet it-23 titlu f’Melbourne s-sena l-oħra. “Naħseb li kollox hu aktar faċli li jkolli t-tifla d-dar tistennieni u taf li erbaħt 23 titli Grand Slam. Ma għandi xejn aktar x’nipprova lin-nies, iżda rrid noħroġ u nilgħab. Għadni ma spiċċajtx,” qalet Williams.

Williams fil-bidu batiet biex issib is-saħħa wara s-service u fallet diversi konklużjonijiet tajbin hekk kif ir-rebbieħa tal-Open ta’ Franza Ostapenko rebħet l-ewwel set.

Iżda hi rnexxielha ssib aktar pass fil-logħob tagħha, żiedet fil-veloċità fis-service u bdiet tiċċaqlaq tajjeb fil-court. L-aktar mument li spikka kien lob tajjeb ta’ Williams fit-tieni set, iżda Ostapenko, li għelbet lil Simona Halep fir-Roland Garros f’Ġunju li għadda, rebħet fit-tie-break.

Tags