Għat-tieni sena konsekuttiva, jiġifieri minn meta ngħata l-kariga ta’ Arċisqof, Monsinjur Ġorġ Frendo għażel li jiċċelebra l-jum tal-Milied mal-foqra fl-Albanija minflok, kif kien isir qabel, mal-politiċi tal-pajjiż.
Jispjega l-Isqof Malti ma’ In-Nazzjon: “Is-sena l-oħra, meta sirt Arċisqof, sibt sitwazzjoni li l-ikla tal-Milied kienet tkun organizzata għall-membri tal-Parlament, ambaxxaturi, eċċ. Jiena ma ridthiex tkompli din id-drawwa. L-ewwel nett ħassejtha stramba li proprju fil-jum meta niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù f’dak il-faqar estrem, jiena nkun qed niċċelebra l-Milied mas-sinjuri, u t-tieni għax ħassejtni ipokrita li jkolli nieħu b’idejn persuni korrotti proprju f’dan il-jum speċjali. Ma ħassejtnix tajjeb li ngħaddi l-Milied b’dan il-mod. Ngħid is-sew ħassejtni ferm aktar komdu ngħaddi l-Milied mal-foqra.”
U kif isiru jafu biha l-persuni foqra attività bħal din?
Mons. Frendo qalli li l-Knisja Kattolika fl-Albanija hi organizzata ħafna. “Għandna ħafna organizzazzjonijiet Kattoliċi, speċjalment il-komunità Sant’Egidio, li hi attiva ħafna u li taħdem ħafna mal-foqra u ma’ persuni bi problemi mentali. Dawn jindikawlna diversi persuni u mbagħad aħna, min-naħa tagħna, noħorġulhom l-inviti.”
L-ikla ssir fi tliet swali tal-Kurja tal-Arċisqof. Stedinna 200 u fil-fatt ġew kważi 400. Is-sena l-oħra stedinna 100 u ġew 196 eżatt, kważi d-doppju. Meta għalaqt 70 sena wkoll organizzajna ikla għal 70 persuna fqira, u fil-fatt ġew 130. U fil-każi kollha li semmejt, inkluż l-ikla ta’ din is-sena, rajna l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż għax mhux biss dawk kollha li ġew kielu u xebgħu, imma wkoll ħadu xi ħaġa magħhom id-dar għal membri oħra tal-familja li ma ġewx.
U bis-saħħa tal-container li wasal minn Malta ftit jiem qabel, din is-sena dawk kollha li ġew għall-ikla tal-Milied organizzata mill-Arċisqof Malti, ħadu magħhom basket sħiħ mimli affarijiet utli għalihom.
L-Arċisqof Frendo għamilha ċara li din is-sena, bħal ta’ qabel, la kienu mistednin politiċi u lanqas il-midja. “Stedinna biss lis-Sindku tal-belt, li ġie u ġab miegħu xi rigali għat-tfal. Kienet okkażjoni tassew sabiħa.”
Il-foqra li attendew għall-ikla ġew mill-periferiji u minn ċerti subborgi ta’ Tirana, fejn jgħixu diversi familji f’faqar kbir, imma mhux biss. Inġabru nies anki minn diversi nħawi u rħula oħra. Il-parti l-kbira huma familji Kattoliċi, imma kienu mistednin anki xi familji Musulmani li jgħixu fil-faqar.
Intervista sħiħa mal-Arċisqof Malti f’Tirana dwar is-sitwazzjoni tal-Knisja Kattolika fl-Albanija tidher f’In-Nazzjon ta’ għada.