Andy Murray irtira mill-Brisbane International minħabba li weġġa’ ġenbu, bl-organizzaturi jiżvelaw dan. L-uġigħ li għandu u l-istess wieħed li kellu fl-2017 fejn spiċċa biex tilef ħafna mill-istaġun wara li kien temm l-2016 fil-quċċata.
Brisbane kien skedat li jkun ir-ritorn kompetittiv ta’ Murray fil-court. “Ninsab veru diżappuntat. Kont hawn b’kull intenzjoni li nagħmel bidu b’saħħtu għas-sena, iżda sfortunatament jien u t-tim inħossu li ma ninsabx f’posti biex nikkompeti fl-ogħla livell.”
Hu saħaq li dejjem ħa pjaċir jikkompeti quddiem il-partitarji ta’ Queensland u jinsab ottimist li jirritorna fil-futur qarib. Murray kien mistenni jilgħab fit-tieni rawnd kontra Ryan Harrison. Rapporti fil-media internazzjonali għadhom qed jgħidu li Murray xorta għadu bil-ħsieb li jikkompeti fl-Open tal-Awstralja, minkejja li dan ma kienx konfermat.
Meta kien wasal fi Brisbane, Murray kien ammetta li kien hemm dubji dwar ġenbu iżda saħaq li ried biss li jerġa’ jibda jieħu pjaċir jilgħab. “Mhux qed nistenna xi ħaġa kbira bħalissa għax ili ma nilgħab għal żmien twil. Irrid nerġa’ nibda nieħu pjaċir nilgħab, xi ħaġa li fallejt fl-aħħar sitt xhur. Irrid inkun kapaċi nilgħab it-tennis, u għalija mhux importanti jekk inkun in-numru 30 fid-dinja. Nixtieq li nkun in-numru wieħed iżda rrid biss li nilgħab.”
L-Iskoċċiż kien qal li jrid jirritorna fl-aħjar livell tiegħu u jirbaħ l-akbar tournaments, iżda jekk ma jirnexxielux ma jkun ġara xejn.
//= $special ?>