Lokali

FILMAT: Kif intrebħu ż-żewġ miljuni? Jitkellem sid il-banka minn fejn inxtara l-biljett

Netnews.com.mt jitkellem ma' sid il-banka tal-lottu minn fejn inxtara l-biljett... u jippubblika l-filmat li rebbaħ iż-żewġ miljun ewro

NET News qed jippubblika filmat ġdid juri l-mument li żiemel f’tellieqa rebbaħ lil persuna li xtrat biljett minn Malta is-somma straordinarja ta’ €2,100,000.

Dan huwa l-ikbar jackpot li qatt intrebaħ minn kwalunkwe persuna f’Malta. Bis-Super Five, darba intrebħu madwar miljun u mitejn ewro – iżda ħadd qatt ma rebaħ żewġ miljun ewro b’biljett mixtri minn Malta.

Tkellimna ma’ Victor Cassar, sid il-banka tal-lottu ta’ San Ġiljan – minn fejn inxtara l-biljett rebbieħ. “Dan prova jaqta’ seba’ tlielaq. Din hija logħba li tintlagħab hawnekk fuq tiġrijiet Svediżi. Kien diġà qata’ sitt logħbiet. Kien qed jistenna l-aħħar tellieqa li filfatt spiċċat ‘photo finish'”, qalilna Victor.

Filfatt, għal kwart ta’ sekonda kien jirbaħ ħaddieħor. Kieku rebaħ iż-żiemel li ġie t-tieni, ir-rebbieħ attwali kien jitlef u minflok, xi ħadd ieħor kien jirbaħ is-somma isbaħ ta’ €6,000,000.

Mingħajr ma żvela l-identità tar-rebbieħ, jew jekk hux Malti jew barrani, Victor Cassar qalilna x’kienet ir-reazzjoni tar-rebbieħ – li naturalment, ħa pjaċir ħafna! “Ovvjament ħa pjaċir ħafna!” qalilna Victor. “Huwa bniedem li hu dilettant taż-żwiemel, u ovvjament, speċjalment peress li t-tiġrija spiċċat b’dak il-mod eċitanti, kien eċitat mhux ftit!” żied jgħidilna Victor.

Sid il-banka qalilna li mhux normali li jkun hemm rebħ ta’ somma bħal din. Biss, mhux l-ewwel darba li nqatgħu seba’ tiġrijiet.

Victor qalilna li għalkemm hu sabiħ li wieħed jittanta xortih, huwa importanti aktar li l-logħob jintlagħab b’mod responsabbli. “Kulħadd jipprova jittanta xortih biex xi darba jaqta’ xewqtu, u din il-persuna kienet waħda mill-iffurtunati li rnexxielha taqta’ xewqitha u tirbaħ żewġ miljun ewro”, qalilna Victor. “Biss, huwa importanti li n-nies jilgħabu b’ċertu responsabbiltà – jiġifieri jonfqu kemm jifilħu jonfqu biss”, temm jgħid.

F’Malta, it-taxxa titħallas fuq ix-xiri tal-biljetti – u mhux fuq ir-rebħ. Dan ifisser li r-rebbieħ irċieva ċekk wieħed ta’ żewġ miljuni u mitt elf ewro tondi tondi.