Lokali

AĠĠORNATA: Ġlieda bejn l-aħwa qabel il-funeral t’ommhom; wieħed mill-aħwa jittieħed l-isptar

Dalgħodu kien hemm xena mhux tas-soltu qabel funeral fil-Knisja ta’ Fatima fi Gwardamangia. Dan hekk kif eżatt qabel il-funeral ta’ mara, seħħ argument bejn tnejn minn uliedha. Dan wassal biex wieħed mill-aħwa, li għandu 54 sena, flok mar attenda għall-funeral t’ommu, spiċċa ttieħed l-isptar Mater Dei minħabba ġrieħi f’siequ.

Il-ġlieda nqalgħet fuq iz-zuntier tal-Knisja għall-ħabta tad-9.15am ta’ filgħodu, minuti biss qabel ma kienet se tibda l-quddiesa.

Jirriżulta li l-ġlieda bdiet waqt li l-qraba u ħbieb tal-mejta kienu qed jistennew biex tispiċċa l-quddiesa ta’ qabel, meta f’mument minnhom inqalgħet kommossjoni sħiħa, bl-aħwa jiġu fl-idejn. F’dan il-ħin it-tebut kien għadu fil-karozza tal-mejtin qabel jiddaħħal fil-Knisja.

Fuq il-post mmedjatament waslu Pulizija u żewġ ambulanzi, b’wieħed minnhom jittieħed l-isptar.

Il-funeral wara tkompla kif kien ippjanat.