Internazzjonali

Il-Korea: Potenzjal ta’ taħditiet fid-dell tal-kriżi nukleari

Il-parti tal-Korea ta' Fuq f' Panmunjom

Il-Korea t’Isfel ipproponiet taħditiet fuq livell għoli mal-Korea ta’ Fuq biex, flimkien, jiddiskutu   l-parteċipazzjoni potenzjali tal-Korea komunista fl-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ din is-sena.

L-iżblokk li jista’ iħoll xi ftit mit-tensjoni fil-peniżola Koreana seħħ wara li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qal, fl-aħħar tas-sena, li kien qed jikkunsidra li jibgħat skwadra biex tikkompeti fil-logħob tax-xitwa li jsiru fi Frar fi Pyeongchang, fil-Korea t’Isfel.

Mistenni li t-taħditiet inter-Koreani proposti jsiru fid-9 ta’ Jannar u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, qal li qed jara l-impenn ta’ Kim Jong-un bħala opportunità kbira biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Seoul u Pyongyang. Madankollu Moon Jae-in qal ukoll, waqt laqgħa tal-Kabinett, ilbieraħ, li l-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq għandu jservi bħala l-isfond għal kwalunkwe taħditiet li jirrigwardaw l-isport.

Hu sostna li ‘it-titjib fir-relazzjonijiet inter-Koerani ma jistgħux jimxu separatament mill-impenji biex jirrisolvu l-programm nukleari tal-Kora ta’ Fuq’. Għaldaqstant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Seoul għandu, f’dan ir-rigward, jikkoopera mill-qrib mal-Alleati tal-Korea t’Isfel, kif ukoll mal-komunità internazzjonali.

Il-Ministru tal-Korea t’Isfel għall-Unifikazzjoni, Cho Myoung-gyon, ippropona biex ir-rappreżentanti tal-Korej  jiltaqgħu f’Panmunjom, magħruf bħala ‘il-villaġġ għall-waqfien mill-ġlied’. Dan il-villaġġ jinsab fiz-zona demilitarizzata mal-fruntiera Koreana u fejn, fil-passat, kienu saru diversi sessjonijiet ta’ taħditiet inter-Koreani.