L-awtoritajiet fir-Russja akkużaw raġel minn San Pietruburgu dwar terroriżmu, b’konnessjoni mal-isplużjoni li saret jiem ilu ġo supermarket fl-istess belt, u li kienet ħalliet 18 midruba.
Is-suspettat kien identifikata bħala Dmitry Lukyanenko, li għandu storja twila ta’ trattament psikjatriku. Intant, dan ir-raġel ta’ 35 sena hu rappurtat li hu msieħeb fi grupp nazzjonalista radikali u li kellu ‘stil ta’ ħajja anti-soċjali’.
Fl-attakk tas-27 ta’ Diċembru kienet tħalliet bomba moħbija ġo kumpless ta’ supermarket tal-kumpannija Perekrestok, bl-isplużjoni sussegwenti tħalli straġi kbira. Talanqas tmienja fost il-midruba għadhom miżmuma l-isptar għall-kura.
Il-grupp terroristiku ISIS kien qal, qabel, li kien wara dan l-attakk iżda fl-ebda ħin ma ressaq il-provi li ssostanzjaw kliemu.
Sadanittant, l-istampa Russa qalet li r-raġel arrestat ammetta għar-reat u se jibqa’ taħt arrest għal talanqas xahrejn. Dan meta l-istess suspettat għandu jgħaddi wkoll minn sensiela ġdida ta’ testijiet psikjatriċi.
//= $special ?>


