L-Assistent Kummissarju Mario Tonna jidher li għandu problema serja ta’ xorb alkoħoliku tant li kollegi tiegħu – jew aħjar membri fil-Korp li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu – ilbieraħ stqarrew li allegatament spiss ikun taħt l-influwenza tax-xorb kemm waqt il-ħin tax-xogħol u s-servizz kif ukoll barra l-ħin tal-Uffiċċju. F’dan ir-rigward jeżistu diversi stejjer kuluriti, fosthom mil-lokalità tan-Naxxar.
Ir-rwol tal-Assistent Mario Tonna hu dak li jikkoordina x-xogħol kollu tat-traffiku fil-pajjiż. Hu wkoll responsabbli mill-Garaxx tal-Pulizija u responsabbli wkoll mit-Taqsima tal-Muturi tat-Traffiku tal-istess Korp tal-Pulizija.
Għalkemm il-problema ta’ xorb li għandu l-Assistent Kummissarju Mario Tonna hi waħda li tista’ titqies bħal sigriet magħruf, In-Nazzjon ilbieraħ ikkwota partijiet sħaħ minn rapport uffiċjali li s-sieħba tiegħu għamlet l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema wara li l-istess Mario Tonna aggrediha u taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha.
Is-sieħba tiegħu, jew aħjar issa l-eks sieħba tiegħu – fissret lill-Pulizija kif ta’ spiss Mario Tonna jkun taħt l-influwenza tax-xorb u dan sa minn kmieni waranofsinhar. Mhux biss iżda anki aktar tard matul il-ġurnata jkun taħt l-influwenza tax-xorb alkoħoliku.
Interessanti li kollox jindika li l-Assistent Kummissarju Mario Tonna jidher li jibda jikkonsma l-alkoħol minn waqt il-ħin tax-xogħol. Interessanti wieħed ikun jaf tajjeb is-sigħat li jaħdem l-istess Assistent Kummissarju meta dan, kif rappurtat lill-Pulizija stess, kien ta’ kuljum joħroġ jiekol fil-11am mas-sieħba tiegħu u ftit tas-sigħat wara jgħaddi għaliha biex imorru d-dar.
Sorsi li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon komplew jgħidu li l-problema tax-xorb li allegatament għandu l-Assistent Kummissarju Mario Tonna hi waħda rikonoxxuta wkoll mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li għal xi raġuni ma ħax passi ta’ dixxiplina f’dan ir-rigward.
Żgur li issa dan ir-rapport żvelat minn In-Nazzjon se jwassal biex il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jindirizza din il-problema serja u ma jabdikax mir-rwol tiegħu biex ma jerġax jispiċċa taħt attakk mhux biss mill-midja, imma anki minn terzi oħrajn.
Għaliex l-istess eks sieħba ta’ Mario Tonna tenniet lill-Pulizija li hi kemm-il darba ġibditlu l-attenzjoni lix-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien. Dan minħabba li hu sigriet magħruf ukoll li l-istess Mario Tonna allegatament isuq regolarment meta jkun taħt gradi differenti ta’ influwenzi tax-xorb.
Sa issa tul il-karriera tiegħu fil-Korp tal-Pulizjia – għamel x’għamel – dejjem irnexxielu jeħlisha lixxa, anzi sab Gvern li tul il-leġiżlazzjoni li għaddiet tah promozzjonijiet li żgur li ma kienx jimmeritah. Hu mexa ’l quddiem mhux biss taħt l-eks-Ministri tal-Intern Michael Falzon u Carmelo Abela, iżda saħansitra taħt Michael Farrugia li hu l-Ministru attwali responsabbli mill-Intern meta f’Ġunju li għadda tah il-promozzjoni ta’ Assistent Kummissarju biex b’hekk qabeż numru ta’ Fizzjali oħrajn li kienu ferm aktar idonei għal din il-kariga fit-Tmexxija tal-Korp. Imma għall-Gvern preżenti l-integrità, is-serjetà, il-professjonaliżmu u d-dixxiplina ma jfissru xejn u jgħodd biss jekk intix parti mill-familja ‘Tagħna Lkoll’.
Il-kollegi tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna li mhux ta’ b’xejn li t-Taqsima tal-Garaxx tal-Pulizija hi fiex inhi u tinsab f’qagħda tassew imwiegħra meta min suppost hu responsabbli minnha għandu prijoritajiet ferm differenti u ’l bogħod minn dak li jirrikjedi l-ġurament tal-ħatra.
Staqsew ukoll x’se jagħmel issa l-Ministru Michael Farrugia dwar dan il-każ… se jindaħal bħas-soltu u jitlob li jittieħdu miżuri dixxiplinari jew se jħalli l-ballun f’saqajn il-Kummissarju tal-Pulizija biex iħoll hu din il-kobba mħabbla li tkompli titfa’ dell ikrah fuq il-Korp tal-Pulizija li kulma jmur qiegħed ikompli jitlef mill-appoġġ u s-sostenn tal-fiduċja tan-nies?
Kif jista’ jkun li jkollok Assistent Kummissarju responsabbli mill-immaniġġjar tat-traffiku u fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, iżda mbagħad hu nnifsu jkun paladin ta’ dan il-vizzju u ta’ din il-problema?
//= $special ?>